Skont Peppi Azzopardi u Manuel Delia l-aġent direttur il-ġdid tal-ħabs ġa falla qabel beda

Skont Manuel Delia u Peppi Azzopardi, il-ħabsin kienu qed ikunu sfurzati biex jiffirmaw petizzjonijiet biex Alex Dalli jiġi lura. Din in-narrattiva saret issa anki parti min-narrattiva tal-PN. Bħal pappagall, il-PN irrepeta din in-narrativa li dawn u oħrajn ħolqu biex ikissru l-ħabs.

Il-PN wasal biex, minħabba dawn il-petizzjonijiet li saru fost il-gwardjani u l-ħabsin, jitlob għar-reżenja tal-ministru risponsabbli mill-ħabs. Dan kollu għaliex dan ħalla dawn il-petizzjonijiet isiru fil-ħabs. B’hekk, skont il-Partit Nazzjonalista, il-pożizzjoni ta’ Byron Camilleri “ma għadhiex waħda tenibbli“.

Qatt ma naf jew smajt fl-istorja politika ta’ pajjiżna li ntalbet reżenja ta’ ministru tal-gvern talli ħalla petizzjonijiet issiru! Bħala storiku, jkolli ngħid li din ġdida. Nixtieq xi ħadd jgħidli meta ntalbet reżenja ta’ ministru li l-ħtija tiegħu kienet biss dik li ħalla petizzjoni – li hija eżerċizju demokratiku – tinġabar. Jien għext fi snin fejn l-għajta għar-reżenja kienet ġejja għaliex ministru kien jisfratta jew ibeżża’ lin-nies milli jiffirmaw petizzjoni u mhux il-kontra!

Biss wieħed irid jgħid li Alex Dalli ma għadux id-direttur fil-ħabs. Mela Dalli ma għandux x’jaqsam f’din l-istorja. Mela ma jistax jikkontrolla dak li qed jiġri fil-ħabs bħalissa.

Il-ħabs qed jitmexxa issa minn ħaddiehor. Bniedem li skont Peppi Azzopardi hu tajjeb ħafna. Mela jista’ Peppi Azzopardi u Manuel Delia jgħidulna kif dan l-aġent direttur, li hu tajjeb ħafna, qed jippermetti lill-priġunieri jew gwardjani jużaw it-terrur biex iġegħlu gwardjani u priġunieri oħra jiffirmaw petizzjoni?

Jekk dak li qed jgħidu hu minnu, mela mhux biss il-pożizzjoni tal-ministru ma għadhiex tenibbili imma anki dik tal-aġent direttur, ġdid fjamant tal-ħabs, ma hix tenibbli. Fi kliem ieħor, is-Sur Robert Brincau ġa falla fil-missjoni tiegħu qabel beda għaliex taħt il-ħarsien dirett tiegħu ħalla lil xi priġunieri u lil xi gwardjani jintimidaw priġunieri u gwardjani oħra u jġegħluhom jiffirmaw petizzjonijiet mingħajr ma ħa passi kontra tagħhom jew żamm milli dan isir!

Qed ngħid dan kollu biex nuri kemm hija falza n-narrativa li ġiet ikkreata biex ikunu skreditati dawn il-petizzjonijiet li nġabru b’mod demokratiku fil-ħabs.

One comment

Leave a Reply