Joseph Grech ikompli jikkonferma l-qasma li ġab Bernard Grech fil-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Fil-programm Xtra li ttella’ t-Tnejn 15 ta’ Novembru 2021 kien mistednin Joseph Grech, kandidat ġdid tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Laqatni ħafna l-ewwel kumment tiegħu meta qal hekk

Ara Saviour, l-ewwel punt li nixtieq nagħmel huwa li jekk xejn, Bernard Grech, issa fiż-żmien illi ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista wera l-intenzjoni tiegħu illi jkollu nies li huma forsi ta’ eta’ iżgħar minn dik li s-soltu l-Partit Nazzjonalista ikollu f’karigi tat-tmexxija tal-partit. Jiġifieri fl-aħħar kunsill ġenerali illi kellna dan urieh ċar b’numru ta’ persuni ġodda fit-tmexxija tal-partit inkluż ukoll is-segretarju ġenerali Michael Piccinino fost oħrajn. U allura naħseb li dak huwa pass fejn naħseb li Bernard Grech jixtieq li jieħu l-Partit.”

Dan il-kumment bil-fors li jrid jiġi kkunsidrat ukoll għall-kandidati li se jippreżenta l-partit fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Naħseb ukoll li Joseph Grech ħaseb fih innifsu meta għamel dan il-kumment għax hu inżerta wieħed minn dawn in-nies li għamel referenza għalihom. Dan huwa kumment diviżiv u jitfa’ togħma ta’ firda bejn il-kandidati sħabu.

Issa jekk hemm xi ħadd li jista’ jikkonsidra lilu nnifsu ġdid fil-Partit żgur li ma jistax jinkludi lil Joseph Grech. Dan l-avukat ilu parteċipi fil-Partit mill-2013 ‘l hawn. Dak iż-żmien huwa kien ingħaqad mal-fergħa taż-żgħażagħ fl-MZPN. Minn dawn it-tmien snin huwa kien għamel erba’ snin minnhom bħala President. Ma tantx hu l-iskop tiegħi li noqgħod infakkar il-perjodu ta’ meta hu kien President tal-MZPN għaliex dak il-perjodu kien ikkonsidrat minn ħafna sostenituri tal-Partit Nazzjonalista bħala żmien ta’ attakk sfrenat mill-MZPN fuq il-kap Adrian Delia.

Fil-fatt ma tantx ħarġu sinjali ta’ ħidma minn din il-fergħa ħlief attakki interni, esterni u anke fuq il-media. Biex insemmu ftit min dawk li introduċa Bernard Grech nistgħu nagħmlu referenza lejn Emma Portelli Bonnici li qalgħet ħafna inkwiet f’dawn l-aħħar ġranet fuq is-suġġett tal-abort. Niftakruha wkoll bħala segretarja tal-fergħa MZPN fi żmien Joseph Grech.

Jamie Vella li daħal bħala President tal-FOIPN li kien ukoll membru tal-MZPN fi żmien Joseph Grech li kellu jirriżenja minħabba raġuni magħrufa minn ħafna. Martina Caruana li tpoġġiet direttament minn Bernard Grech bħala President tar-riċerka.

Sfortunatament bil-fors ser ikolli niġbed l-attenzjoni li l-bidla li jistgħu jġibu fil-partit dawn in-nies imsemmija tkun bidla fil-ħsieb u fil-prinċipji li jħaddan il-Partit Nazzjonalista, fosthom fl-abort, fl-użu tal-cannabis u fil-mod faċli ta’ kif taħdem biex tittradixxi lill-kap tiegħek stess.

Leave a Reply