Il-Knisja u numru ta NGOs ħadu pożizzjoni korretta fuq il-liġi tal-cannabis

Kemm il-Knisja kif ukoll għaqdiet soċjali rnexxielhom ikunu ferm iżjed kostruttivi minn Bernard Grech dwar il-liġi tal-cannabis. Minflok ma sabtu l-bieb f’wiċċ dawk kollha li għal xi raġuni jemmnu li l-ħaxixa għandha ssir legali, insistew fuq iżjed djalogu ħalli jifhmu l-intenzjoni, bżonn u twemmin ta’ kulħadd.

Kif inhi proposta l-liġi, din hija maħsuba biss biex tgħin lit-traffikanti tad-droga u mhux lil xi żagħżugħ li jkun ħa joint!

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista renda din l-issue fi ġlieda interna u qata’ kull forma ta’ djalogu li jista’ jwassal lejn kunsens jew li jista’ verament joffri oppożizzjoni kostruttiva. Dak li jiġri meta fil-partit jirrenjaw l-interessi personali u mhux il-veru interess tal-poplu.

Għal ġieħna, Bernard Grech appunta task force biex tipprovdilu l-pariri imma milli jidher lanqas din it-taskforce ma kellha biżżejjed rieda biex tipprova tifhem is-soċjeta’. Minflok għamlu bħal bebbuxu, daħlu f’qoxorthom u ngħalqu mill-bqija tad-dinja.

Meta tara hekk tirrealizza x’inhi r-raġuni għal dawn ir-reazzjonijiet irrazzjonali f’ġimgħa waħda. Kollox ġej mis-surveys diżastrużi għall-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech u l-klikka li tajret lil Adrian Delia qatgħu qalbhom li se jattiraw voti ġodda u li jġibu lura voti mitlufa u allura f’paniku kbir daru biex jipproteġu l-voti ġejjin mill-bażi konservattiva tal-partit. Dan qed jagħmluh biss għax jafu li jekk ixelfuha mal-konservattivi jitilfu s-siġġu fil-Parlament. Dak leadership! Dik viżjoni!

Il-Partit Nazzjonalista għandu rwol kostituzzjonali li la l-Knisja u lanqas is-soċjeta ċivili m’għandhom. Il-Partit Nazzjonalista għandu l-privileġġ li jipproponi tibdil fil-liġi proposta u jivvota fuqha wkoll. Mela minflok ma sabbat il-bieb f’wiċċ kulħadd kien ikun iżjed għaqli kieku Bernard Grech ressaq fil-Parlament numru ta’ emendi għal-liġi li ġab il-gvern.

B’hekk kien juri li qed jifhem u ser jipprova jgħin lil min qed juża il-ħaxixa b’mod rikreattiv f’dożi żgħar u fl-istess waqt kien ikun il-leħen tal-għaqdiet kollha li qed iressqu l-proposti tagħhom u qed jibżgħu u bir-raġun, li din il-liġi ser iddawwar lil Malta fi stat tan-narċotraffikar tal-ħaxixa.

Sfortunatament la hemm viżjoni u lanqas kwalita’ biex il-Partit Nazzjonalista jieħu passi għaqlija.

Leave a Reply