Wara tliet damdimiet, il-kap tal-Oppożizzjoni mwarrab fil-grupp parlamentari

F’ġimgħa waħda l-Kap tal-Oppożizzjoni ħa tliet damdimiet tajba. Meta ssegwi dawn ir-realtajiet u tara kif żvolġiet din il-ġimgħa, bil-fors ikollok tistaqsi għadha tenibbli l-pożizzjoni ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista?

Kellna l-ewwel daqqa qawwija f’surveys. Żewġ surveys tawna riżultat tal-biża’ lill-Partit Nazzjonalista u fuq kollox lil Bernard Grech personali. Irridu niftakru li dawn is-surveys saru meta qiegħdin lejliet elezzjoni ġenerali. Jekk ma ntwera’ l-ebda xaqq dawl s’issa, x’inhuma l-possibilitajiet li l-affarijet ixaqilbu lejn il-partit u lejn Bernard Grech innifsu sal-elezzjoni li ġejja?

Imbagħad kellna t-tieni tgħaffiġa kbira tal-abort li poġġiet lil Bernard Grech f’pożizzjoni tant antipatika li kellu jibdel postu u jagħmel partita u-turns.

Biex tkompli ma dawk kien hemm l-irtirata tal-pożizzjoni tiegħu fuq il-kwestjoni tal-cannabis.

Dawn it-tliet kwistjonijiet ipoġġu lil Bernard Grech f’pożizzjoni imbarazzanti ħafna b’tali mod li jidher ċar li ġie abbandunat minn kulħadd. Tidher ovvja li fil-grupp parlamentari tilef l-appoġġ anke ta’ dawk, li ftit iżjed minn sena ilu, poġġewh bħala Kap tal-Partit.

Huwa sinifikanti kif illum Bernard Grech ma għadu jmexxi lil ħadd. He leads no one! Minn dak li qed nisimgħu u naqraw dwar dak li ġara nhar il-Ġimgħa fil-grupp parlamentari jidher li fid-diskussjoni tal-cannabis ebda deputat ma ddefenda l-pożizzjoni ta’ Bernard Grech.

Li jkompli jispikka fil-pożizzjoni ta’ Dr Grech huwa li kontinwament jara f’min se jwaħħal għad-disfatti li qed ikollu. Fil-fatt fil-grupp parlamentari Dr Grech prova jdawwar il-kanuni fuq il-grupp kollu ta’ deputati. Huwa qal li ħadd ma għandu jgerger għar-riżultati ħżiena fis-surveys wara li ħadd ma qabel miegħu.

Biss id-diskors punġenti ta’ Bernard Grech lejn membru tal-grupp tiegħu juri kjarament li veru l-pożizzjoni ta’ Dr Grech ma għadiex tenibbli. Meta Mario Galea qal li Dr Grech irid iġorr ir-responsabilita’ ta’ dawn id-disfatti kollha, Bernard Grech wieġeb li Mario Galea jista’ ma jkunx preżenti f’dawn il-laqgħat.

Fuq kollox, dan is-sit huwa infurmat li n-nies ta’ madwar Bernard Grech jirreferu b’mod dispreġġjattiv lejn Mario Galea minħabba l-kundizzjoni li għandu!

Dan huwa diskors li juri li min qed imexxi tilef l-argumenti kollha. Dan niżżel il-livell tad-diskussjoni fl-abbissi u verament iwassal biex wieħed jikkonsidra li dawn id-disfatti kollha qed ipoġġu lil Bernard Grech f’pożizzjoni li postu ma jkunx iżjed tenibbli.

One comment

Leave a Reply