Chris Peregin ma qalx kemm qed jaqla’ minn fuq dahar il-Partit Nazzjonalista

Chris Peregin tella’ post fuq facebook biex jgħidilna għaliex ingħaqad mal-Partit Nazzjonalista u prova wkoll jimpressjonana billi jgħidilna x’inhuma x-xewqat tiegħu. Qalilna li jixtieq jara lill-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv. Ikkonfermalna li hu mhuwiex kontra l-leġislazzjoni tal-cannabis.

Jammetti li l-Partit Laburista huwa partit kbir u b’saħħtu u li hu ma jobgħodx il-Laburisti. Qalilna wkoll li hu favur il-protezzjoni tal-ambjent, favur id-diċenza fil-politika, jixtieq jara ekonomija li taħdem għal kulħadd, jixtieq jara pagi aħjar, li pajjiżna jkollna housing affordabbli, titħaddem kif suppost il-meritokrazija, jixtieq jara liġijiet aktar tajbin għall-poplu u jixtieq ikompli jara titħaddem aħjar il-ħolma Ewropea.

Ma kollox naqblu miegħu. Kollox sabiħ u impressjonanti. Imma Chris Peregin ma qalilniex kollox. Ħalliena nimmaġinaw aħna x’kienu r-raġunijiet l-oħra li jista’ jkun kellhom effett fuq id-deċiżżjoni tiegħu li jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista.

L-ewwel raġuni li hu ma jsemmiex u li naħseb qiegħda fuq moħħu kontinwament li hu bħala bniedem huwa liberali. Irid jipprova jxaqleb it-twemmin tal-Partit Konservattiv u jieħdu lejn viżjoni oħra. Hu jemmen li l-partit ma jistax jibqa’ Demokristjan. Skond il-fehma tiegħu, biex il-Partit Nazzjonalista verament ikun gvern alternattiv irid jitlaq minn dak it-twemmin u jsir iktar miftuħ għal-liberaliżmu. Per eżempju, Chris Peregin kien wieħed mill-perċimess li mbotta lil Bernard Grech biex jaqbel mal-leġislazzjoni tal-cannabis.

It-tieni raġuni li ma semmiex Chris Peregin hija l-paga li nnegozja mal-Partit Nazzjonalista biex ikun jista’ jieħu dan ix-xogħol u jibdel Partit Demokristjan f’wieħed liberali. Ma hemmx ideali hawn! Chris għadu qatt ma ammetta li hu jaqla’ sitt elef euro fix-xahar, jew tnejn u sebgħin elf euro fis-sena. Dik hija paga li fil-Partit Nazzjonalista qatt ma rajniha u allura bil-fors li kienet attrazzjoni għalih biex telaq ix-xogħol li kellu.

It-tielet raġuni li fuqha sar ħafna spekulazzjoni, li imma sa fejn naf jien, għadha qatt ma ġiet miċħuda, hija li hu għandu interess qawwi fil-liċenzja tax-xandir li għandu f’idejh il-Partit Nazzjonalista. Peregin mhux talli daħal hu fil-Partit Nazzjonalista imma talli ġibed miegħu aktar nies tal-fehma tiegħu, li kienu wkoll jaħdmu fejn kien hu qabel. U dawn spiċċaw jitħallsu mill-Partit Nazzjonalista. Tista’ tgħid li mhux talli ried ikun sod fil-pożizzjoni tiegħu hu, imma ddawwar b’nies oħra li huma lejali lejh, jaħdmu skond l-aġenda tiegħu u lesti dejjem li jwettqu l-istrateġija tiegħu.

Chris Peregin irid idaħħalha f’moħħu li l-Partit Nazzjonalista mhux mibni fuq nies li jbaxxu rashom għal kull ma jiġi minn fuq. Is-sostenituri tal-partit jafu x’jgħidu ir-reġolamenti tal-partit u jaraw li kulħadd jimxi magħhom. Peregin biex jitwemmen irid ikun miftuħ fil-ħsibijiet tiegħu mingħajr eċċezzjonijiet, speċjalment mas-sostenituri tal-partit. Irid joqgħod attent li ma jisgarrax għax maljar ikollu min jaqbeż fuqu allavolja jista’ jkun li warajh għandu t-tmexxija tal-partit.

One comment

Leave a Reply