Where your opinion counts

Ryan Callus u Claudette Buttigieg daħħlu lill-kap tal-Oppożizzjoni fi sqaq u abbandunawh

Bħala kontributur qawwi għan-narrattiva tant ta’ ġid li minn dejjem għamlet Kana ma naħsibx li Dr Bernard Grech kien se jieħu pożizzjoni tant drastika li jkun favur il-legalizzazzjoni tal-cannabis u t-traffikar tagħha. Imma Bernard Grech ried li l-grupp parlamentari jkun favur li l-membri parlamentari Nazzjonalista jissupportjaw din il-liġi li l-iskop tagħha hu biss li d-droga cannabis tkun legalizzata u t-traffikar tagħha jsir wieħed legali.

Allura toħroġ ċara li kellu min jimbuttah biex jieħu din il-pożizzjoni li ħa. Milli qed naqraw u nifhmu dawn kienu Ryan Callus, Claudette Buttigieg, Mark Anthony Sammut u Christian Peregin.

Nafu b’ċertezza l-pożizzjoni favur il-cannabis, tal-istrateġista prinċipali tal-Partit Nazzjonalista, Chris Peregin. Mela kienu dawn il-protagonisti li għamlu minn kollox biex jimbuttaw lil Dr Grech biex il-Partit Nazzjonalista jxaqbel lejn l-introduzzjoni tal-cannabis u biex din l-istess droga tkun tista’ tkun traffikata b’mod legalizzata.

Nhar il-Ġimgħa meta kien hemm il-laqgħa tal-grupp parlamentari b’diskussjoni speċifika fuq il-cannabis, il-prim promotur u strateġista Ryan Callus għamel waħda minn tiegħu. Wara li poġġa lill-kap tiegħu f’sitwazzjoni fejn Dr Grech spiċċa kważi f’pożizzjoni kontra l-grupp parlamentari kollu, Ryan Callus ma marx għal-laqgħa tal-grupp parlamentari.

Il-promotur prinċipali biex il-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-Gvern abbanduna l-vapur u mar jistaħba minn din l-isfida u ħalla lil Dr Bernard Grech jiffaċċja l-problema waħdu. Biss dan Ryan Callus irid jiftakar li kollox f’ħinu u f’waqtu għaliex wara li tgħaddi l-elezzjoni dan irid jirrispondi lis-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista ta’ għemilu, bħala sostenitur ta’ din il-pożizzjoni u talli qed jiżżattat fl-istrateġija tal-policies tal-partit.

L-istess għamlet Claudette Buttigieg li bi skuża oħra banali ma tfaċċatx lanqas. Din kompliet salbitu lil Bernard Grech meta, flok qaltlu jien warajk f’kollox, hi qaltlu li hi se tkun qed tivvota, jekk ikun neċessarju vot, mal-maġġoranza tal-grupp.

L-istess għamlet Therese Commodini Cachia li nafu li dejjem preżentat ruħa bħala bniedma liberali. Mela fi ftit kliem, Bernard Grech ġie abbandunat mis-sostenituri tiegħu.

With friends like these who needs enemies. Fil-propji sens tal-kelma meta l-baħar jitqawwa l-baħrin prinċipali jabbandunaw il-vapur.

Mark Anthony Sammut kien irrabjat ħafna għax ried li diskussjoni bħal din missa telgħet fl-esekuttiv u mhux tressqet biss fuq livell ta’ grupp parlamentari. Fuq din jista’ għandu raġun għax fejn jirrigwardja policy tal-partit, din għandha tiġi deċiża fl-esekuttiv.

Dr Bernard Grech reġa’ għal darba oħra sab ruħu jżolat u dak li prova b’ħiltu kollha jressaq ‘l quddiem reġa’ sab li ma kellux l-appoġġ ta’ sħabu fil-grupp parlamentari tiegħu. Din kienet telfa oħra kbira ta’ Bernard Grech li kull ma jmur qed juri li ma għandu ebda saħħa fuq il-grupp parlamentari.

Imma forsi l-agħar ħaġa hija li qed jersaq quddiem il-grupp parlamentari b’pożizzjonijiet diġa’ mingħalih tanġibli u kull darba jsib li jkollu jirtiera mill-pożizzjoni tiegħu għaliex l-argumenti li jġib ikunu dgħajfa u mhux studjati sew. Imbagħad isib ma wiċċu deputati li jkunu għamlu l-homework tagħhom tajjeb u juru kemm Bernard Grech ma jkun jaf xejn fuq is-suġġett.

Hekk tispiċċa meta tħalli lilek innifsek tkun influwenzat minn dawk li jridu jillegalizzaw it-traffikar tal-cannabis f’pajjiżna mingħajr qabel ma tevalwa s-sitwazzjoni kollha.

One thought on “Ryan Callus u Claudette Buttigieg daħħlu lill-kap tal-Oppożizzjoni fi sqaq u abbandunawh

Leave a Reply to qurdina Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *