Il-Ministru Laburista Byron Camilleri irid juri jekk hux fil-but ta’ Manuel Delia jew le

Dak li qed nikteb jien fuq Alex Dalli u l-ħabs mhux qed jogħġob lil Manuel Delia. B’hekk Delia tella’ artiklu biex jattakkani u jinsulentani, imma fl-istess waqt kixef idejh kif iħobb jagħmel kull darba li jikteb xi ħaġa. Bħal dejjem huwa jibni fuq narrattiva falza u mhux sewwa, bħal ma jagħmlu ħafna li huma mħallsa minn Brussel.

Din id-darba, Manuel Delia ma jistax jifhem għalfejn qed niddefendi lill-ex-direttur Alex Dalli. Ma setax jgħid li qed iħallasni kif kien jgħid għal Yorgen Fenech meta kont u għadni nikteb dwar l-inġustizzji li seħħew u qed iseħħu fil-każ tiegħu.

Iżda ħareġ ċar li dan l-artiklu ta’ Delia hu maħsub biex jagħmel pressjoni fuq Bjorn Camilleri biex jibdel it-talba ta’ Alex Dalli għall-awto-sospensjoni f’waħda permanenti. Xi ħaġa, li dan il-ministru, l-anqas din it-talba, qatt ma missu aċċetta.

Iżda Manuel Delia għandu sens ta’ entitlement u ego li huwa ikbar minn ġismu. Għax ejja ngħiduha kif inhi. Skont Manuel Delia persuna hija ġusta u moralment tajba skont kemm din il-persuna tagħmel dak li jgħidilha hu! Manuel Delia qal dan il-kliem lill-Ministru Camilleri:

Byron Camilleri għal darba oħra ttutamba milli ħataf l-opportunita’ (u d-dover morali) li jkeċċi lil Alex Dalli darba għall-dejjem“.

Bl-Inġliż hija kif ġej: “Byron Camilleri balked at the umpteenth opportunity (and the moral duty) of firing Alex Dalli altogether.

Dan hu r-ringrazzjament li ħa Alex Dalli għaliex ħeles il-ħabs mid-droga. Ma hemmx dubju, li dawn l-attakki kollha fuq Alex Dalli huma intenzjonati għaliex hemm min għandu interess li l-ħabs jerġa’ jiftaħ s-suq tad-droga u hemm min għandu l-bżar xi jroxx! Inċidentalment, fuq dan is-suċċess ta’ Dalli, konvenjentament Manuel Delia ma tkellem xejn fl-artiklu tiegħu.

Issa l-ballun qiegħed f’sieq il-ministru Byron Camilleri. Hu jrid juri jekk hux pupazz ta’ Manuel Delia jew le. F’dan il-każ, Byron Camilleri jrid juri lill-poplu Malti ta’ rieda tajba t-triq ‘l quddiem.

One comment

Leave a Reply