Bernard Grech: diskors ieħor negattiv fil-parlament illum

Kont qed nara ix-xandira diretta mill-parlament fejn qed jitkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni. Suppost qed issir id-diskussjoni dwar l-estimi tal-budget għas-sena d-dieħla tal-uffiċċju tal-Prim Ministru. Imma mid-dehra Dr Bernard Grech ħalef li jitkellem biss fuq in-negattivita’ u dak kollu li hu ikrah.

Beda jelenka x’sar ħażin minn Rosianne Cutajar u minn Edward Zammit Lewis u baqa’ għaddej b’kantaliena ta’ affarijiet negattivi. Imma possibbli ma hemmx mod ieħor ta’ kif isiru dawn l-interventi minn Dr Bernard Grech? Minn barra li qed jagħmel pjaċir lil Rosianne Cutajar għaliex aktar qed isaħħaħ mal-Laburisti, Bernard Grech mhux qed jirnexxilu jiġbed lill-poplu warajh. Mhux kapaċi jagħmel diskors. Jidher ċar li diskors irid jaqrah.

Min qed jiktiblu dawn id-diskorsi? Mhux qed jinduna li l-impressjoni li qed jagħti hija dik ta’ bniedem verament negattiv? Ma nistax nifhem u se jkun diffiċli għal ħafna nies biex jifhmu li kull darba li jqum biex jitkellem fil-parlament irid ikun ittimbrat b’għajjat u b’tgħajjir. Kif jista’ jkun li l-uniku messaġġ li jista’ jibgħat il-Partit Nazzjonalista mill-kap tiegħu huwa dak ta’ vuċi għolja u kliem dispreġjattiv lejn diversi membri fil-kamp Laburista?

Illum rajna lil Dr Bernard Grech imdawwar bi ħdax-il membru tal-parlament li sabuha ftit diffiċli li kellhom iċapċpu għal dak li beda jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni. Naħseb li kull wieħed u waħda minnhom ikollhom diffikulta’ biex iċapċpu u allura juru li qed jaqblu ma’ dak l-għajjat u t-tgħajjir. Ma għandi l-ebda dubju li dawk ta’ madwar Dr Grech ma jaqblux miegħu dwar l-għajjat jew insulti.

Barra n-negattivita’ reġa’ għamel elenku ieħor ta’ x’se jagħmel jekk ikun Prim Ministru. Għal darba oħra ma kienx iż-żmien idoneu għal diskorsi bħal dawn. Kif jista’ jkun ma kienx hemm x’tikkritika u kif tista’ tiftaħ l-għajnejn għal affarijiet aħjar li jistgħu jsiru fil-ministeru tal-Prim Ministru? U ejja ngħiduha kif inhi. Hemm ħafna x’tikkritika f’uffiċju tal-prim ministru!

Il-poplu xeba’ minn dan l-istil ta’ diskorsi. Il-poplu ma jridx jisma’ iktar dwar negattivita’ minn politiċi huma liema huma. Wara xhur twal ta’ dwejjaq bil-pandemija, il-poplu ma jixtieqx jisma’ iżjed fuq dak li hu ikrah imma jixtieq jisma’ diskorsi ta’ kuraġġ u ta’ tama. Irid jisma’ kritika imma jrid kritika li biha jinduna li min qed jagħmilha, jista’ jagħmillu ħajtu aħjar.

One comment

Leave a Reply