Għaddiet ġimgħa minn fuq iż-żewġ surveys u ġa ntesew

Blog post minn osservatur politiku

Is-survey tal-Ħadd li għadda fil-Malta Today donnu rebaħ fl-importanza tiegħu fuq is-survey li għamel Dr Vince Marmara fuq It-Torċa. Il-fatt li dan is-survey tal-Malta Today li Bernard Grech għamel progress mal-elettorat jispjega għala l-Partit Nazzjonalista beda jitkellem li dan is-survey rebaħ fuq dak tat-Torċa. F’daqqa waħda donnha li l-konċentrazzjoni ta’ informazzjoni kienet ibbażata fuq is-survey tal-Malta Today. Bħal dak li qallu mhux l-istess Marmara għamel is-survey tat-Torċa.

Insejna kemm ingħatat importanza lis-surveys ta’ Marmara fi żminijiet oħra, meta Adrian Delia kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kemm intqal li meta jagħmel survey Marmara kien ikun aktar preċiż. Insejna meta kien intqal li jekk trid toqgħod fuq survey professjonali, trid tagħti każ ta’ dak li jaħdem fuqu Dr Marmara. Donnu għax is-survey ta’ Dr Marmara qed jitfa’ f’ħafna aktar inkwiet lill-Partit Nazzjonalista aktar mill-ieħor, donnu din id-darba s-survey ta’ Marmara ma ħax l-importanza li dejjem ingħata.

Infatti, wara l-pubblikazzjoni tiegħu, il-media ma baqgħetx titkellem fuqu kif kienet tagħmel qabel. Biss l-anqas fuq dak tal-Malta Today ma tkellmet. Anki dan, għar-raġunijiet ovvji ntefa’ f’bir tas-skiken. Imma xorta l-Partit Nazzjonalista għandu jagħti każ sewwa ta’ survey xjentifiku bħal ma jaf jagħmel Dr Marmara, jekk ma jridx ikompli jgħix f’illużjoni.

Fis-survey ta’ Marmara, l-aħbar prinċipali hija li d-distakk bejn il-Partiti huwa ta’ 15%. Jiġifieri jekk issir elezzjoni issa l-Partit Laburista jieħu vantaġġ ta’ 46,000 vot. Ħaġa mportanti li toħroġ minn dan is-survey hija li meta tqabbel dan is-survey mar-riżultat tal-elezzjoni tal-2017 jirriżulta li l-Partit Laburista jkun żied 1.7% filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jkun naqqas 2%. Issa jekk il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jdaħħal rasu fir-ramel, dik affari tiegħu.

Imma jekk irid ikun realistiku għandu jagħti mportanza lil dan is-survey wkoll u mhux jorbot il-karru biss fuq is-survey l-ieħor għax fin-numri qiegħed ftit aħjar f’attentat biex jiġġustifika l-għażla ta’ Bernard Grech. Issa Bernard Grech hu l-kap u huwa ser jibqa’ sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Apparti li dan is-survey qed jagħti riżultat tan-numri diżastrużi għall-Partit Nazzjonalista, hemm bżonn li l-istess partit jirrifletti fuq dak li għadda minnu f’din l-aħħar sena u x’riżultati inkisbu f’dawn l-aħħar tlettax-il xahar. Nafu li kien hemm bidla fil-Kap tal-Partit u kien hemm kważi garanzija minn dawk li ħadmu kemm felħu għal din il-bidla, li l-affarijiet se jmorru għall-aħjar. Kien hemm wegħda mhux miktuba li n-numri se jaqilbu għall-aħjar mat-tneħħija tal-Kap ta’ qabel.

Imma x’inhu r-riżultat illum? X’qed juru dawn is-sondaġġi? Qed jibqgħu jindikaw diżastru assolut fejn jidħlu n-numri. Qed tibqa’ toħroġ ċara li issa mhux muntanja biss għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista imma għandu ħafna problemi oħra marbutin mat-telgħa tal-muntanja. Donnu jagħmel x’jagħmel u għalkemm biddel il-Kap u ħareġ pataflun proposti għal ħafna setturi, donnu xejn ma hu jaqbad art.

Donnu l-elettorat Malti u Għawdxi mhux jafda dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista. Hemm ħafna dubji fuq dak li qiegħed iwiegħed il-Kap tal-Partit. Il-kelma li ħierġa mit-tmexxija mhux qed tinfluwenza lill-votant u mhux qed tħalli indikazzjonijiet pożittivi. Se nerġa’ nsemmi li hemm bżonn urġenti ta’ eżami tal-kuxjenza minn nies il-bogħod mit-tmexxija tal-partit bħalissa, forsi bl-indikazzjonijiet ta’ dawn l-esperti l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jerfa’ rasu minn dan il-ħondoq li niżel fih.

One comment

Leave a Reply