Bernard Grech ma jistax jitkellem fil-parlament fuq il-liġi tal-cannabis minħabba l-U-turn li kellu jagħmel.

Blog post minn osservatur politiku

Qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel. Hekk ġralu Dr Bernard Grech fuq is-suġġett tal-cannabis. Din l-istorja turi biċ-ċar li ebda politiku, aktar u aktar kap ta’ partit, ma għandu jgħaġġel biex jippronunzja ruħu qabel ma jkun iddiskuta mal-gruppi kollha interni fil-partit. Dr Grech hekk ġralu fuq il-cannabis, għaġġel tkellem u fl-aħħar kellu jibla kollox minħabba l-pożizzjoni tal-maġġoranza assoluta tal-grupp parlamentari tiegħu. Ħalli naraw il-fatti kif ġraw f’din ir-realta’ dwar il-cannabis.

F’nofs din is-sena l-Gvern ħareġ White Paper fuq is-suġġett. Huwa fatt magħruf li l-Partit Nazzjonalista, u allura lanqas il-Kap tiegħu, ma ħareġ ebda stqarrija jew xi kwalita’ ta’ risposta dwar is-suġġett. Biex tkompli tgħaxxaqha, meta Dr Grech kien qed jirrispondi lill-ġurnalist tal-ONE fuq il-Fosos, hu stqarr li l-Gvern ma kienx ippubblika White Paper dwar il-cannabis.

Dan kien fatt ieħor li kien ħoloqlu ħafna kritika għax ma kienx qed iżomm ruħu au courant fuq l-affarijiet li qed jiġru fil-pajjiż. Kien għamel żball fattwali u ġie meqjuż bħala amateur u mhux infurmat. Wara li d-diskussjonijiet u s-sottomissjonijiet għall-White Paper għalqu, l-gvern għamel pubbliċi d-dettalji tal-abbozz legali.

Hawnhekk fattwalment Dr Grech reġa’ spara għal saqajh meta qal li l-Gvern biddel il-pożizzjoni tiegħu u ħa minn dak li qal hu. Jiġifieri Dr Grech qal li l-Gvern ikkopja lilu.

Fatt ieħor kien li wara li ltaqgħu xi ħames darbiet, il-grupp parlamentari xela’ lil Dr Grech li mar quddiemhom b’fait accompli u li għamel dikjarazzjonijiet fil-pubbliku mingħajr ma kellu l-pożizzjoni magħrufa tal-grupp kollu. Kif spiċċat fattwalment din l-istorja?

Wara l-aħħar laqgħa tal-grupp parlamentari Dr Grech kellu joħroġ kontra l-abbozz tal-liġi mressqa mill-gvern għax hekk riedet il-maġġoranza assoluta tal-grupp parlementari tiegħu.

Wara dawn il-balbuljati kollha Dr Grech spiċċa jibla’ kliemu u jagħmel diversi u-turns totali mid-dikjarazzjonijiet kollha li laħaq lissen f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Issa se jmur quddiem il-parlament u jagħmel ħiltu biex jispjega r-raġunijiet għalfejn hu ħareġ kontra dan l-abbozz ta’ liġi dwar il-cannabis. Mhux bil-fors imbagħad li l-Partit fil-Gvern wara li sema’ l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar is-suġġett qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qiegħed fi kriżi. Kien f’waqtu li l-Partit Laburista tenna: “Li hu żgur li kellna konferma oħra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li bħal qasba tixxejjer mar-riħ, m’għandu ebda sens ta’ direzzjoni u tmexxija.

One thought on “Bernard Grech ma jistax jitkellem fil-parlament fuq il-liġi tal-cannabis minħabba l-U-turn li kellu jagħmel.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *