Rebaħ is-sens komun fuq fil-kwistjoni tal-cannabis fil-Partit Nazzjonalista

Fid-diskussjoni tal-cannabis rebaħ is-sens komun fil-Partit Nazzjonalista. Wieħed jista’ jgħid li kienet disfatta għall-kap għaliex il-pożizzjoni tiegħu ma għaddietx. Wieħed jista’ jżid li fuq livell politiku, din il-kwistjoni kixfet l-istil ta’ tmexxija fil-Partit Nazzjonalista bħalissa. Il-Partit Nazzjonalista għandu jieħu tagħlima minn din l-istorja. Ma jistax ikollok partit konservattiv u jagħmel politika xellugija. Fuq kollox, u din tgħodd għal kull partit, meta tkun parti minn grupp jew minn istituzzjoni ma tistax tippronunzja ruħek kmieni mingħajr ma tkun għamilt ebda konsultazzjoni mal-grupp tiegħek stess. Hekk ġara fil-każ tal-cannabis.

Il-kap xtaq li l-Partit Nazzjonalista jieħu pożizzjoni favur, imma l-grupp parlamentari kien kontra. Hawn ma naħsibx li l-problema huwa biss il-kap. Il-problema huma l-istrateġisti tal-kap stess. Quddiem din l-istrateġija ħażina, il-kap ta’ partit ħareġ dgħajjef. Kellu jibla’ ilsienu u jirtira minn dak kollu li kien qal qabel.

Kemm smajna affarijiet minn Dr Bernard Grech fuq il-cannabis u kemm qalilna li l-Gvern kien għamel tibdil fil-liġi għax sema’ lilu jitkellem. Kemm qalilna li l-liġi li se jressaq il-Gvern kienet bil-ħila tiegħu! L-iżball li sar kien li hu ppronunzja ruħu meta kien jaf li ma kellux konsensus fuq deċiżjoni daqshekk sensittiva. Jekk ħaseb li b’dan id-diskors kien ser iġib il-grupp parlamentari miegħu, falla bil-kbir.

Jekk hix pożizzjoni tajba jew le mhux il-ħsieb ta’ dan il-blog. Biss il-fatt li l-grupp iddeċida li ser ikun kontra din il-liġi juri ċar li Bernard Grech kien f’minoranza kbira fuq din il-kwistjoni u ma seta jagħmel xejn aktar. Għal darba oħra, il-Partit Nazzjonalista bagħat messaġġ ħażin ħafna. Wera bil-fatti li hemm kap li mhux kapaċi jikkonvinċi lill-grupp parlamentari biex jieħu l-pożizzjoni tiegħu. B’hekk il-Partit Nazzjonalista spiċċa kellu joħroġ b’deċiżjoni li finalment hija differenti minn dak li qed jixpruna Dr Bernard Grech.

Dan huwa stil ta’ tmexxija li mhux qed ireġġi. Li tippronunzja ruħek kmieni u bla ma tisma’ lil sħabek huwa perikuluż. U hekk ġralu din id-darba. Il-konsultazzjoni trid issir ma’ min se jwieżnek u mhux ma’ terzi li, għalkemm tajjeb li tisma’ lil kulħadd, imma mhumiex in-nies li se jressqu l-argumenti fil-parlament u se jimbuttaw il-linja ta’ ħsieb tal-partit. Fuq kollox, Partit Konservattiv ma jistax joħroġ b’pożizzjoni bħal din u dan juri li finalment beda jerbaħ is-sens komun fil-Partit Nazzjonalista.

One comment

Leave a Reply