Osservazzjonijiet strategiċi marbuta maż-żjara tal-Papa Franġisku u l-elezzjoni ġenerali

Blog post mit-Tabib Hermann Farrugia.

Teżisti indikazzjoni ċara u pjuttost insistenti li ż-żjara uffiċjali tal-Papa Frangisku sejra sseħħ (jekk dejjem isseħħ) kif imħabbar mill-Prim Ministru Abela fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla. U possibilment, anke minħabba s-sinjifikat liturgiku-popolari Malti, li jkun mixtieq li jiġi rrispettat u l-entużjażmu ġenerali mistenni li jiġi ġġenerat, dan l-avveniment Nazzjonali huwa skedat li jikkonċidi eżattament mal-festa Nazzjonali ta’ San Pawl Nawfragu nhar il-Ħamis 10 ta’ Frar ’22.

Għalhekk hemm ħjiel għall-mawra qasira tal-kap tal-Knisja Kattolika fostna f’xi jum tal-weekend, bejn l-10 u l-Ħadd 13 ta’ Frar li ġej. Jekk dan iseħħ, tkun tabilħaqq kumbinazzjoni li l-ewwel tħabbira uffiċjali ta’ din il-viżita tant mistennija seħħet meta l-President ta’ Malta, it-Tabib George Vella flimkien ma’ Mons Arcisqof Charles Scicluna kienu flimkien annunzjawha fit-tmiem tal-Pontifikal Solenni fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl il-Belt Valletta f’gieħ l-Appostlu Missierna San Pawl fil-Festa tal-2020. Sewwasew ftit jiem biss qabel ma kienu feġġew l-ewwel każijiet tal-imxija tal-Covid-19 ġewwa pajjiżna u li effettivament irnexxielha tittardja din l-illustri żjara papali.

Ikun f’loku ninnutaw ukoll li l-motto magħżul għal din iż-żjara, f’din iċ-ċirkustanza partikulari ikun imnebbaħ mill-ispirtu ta’ kontinwita’ apostolika mal-messaġġ Pawlin li kienu għaddew b’tant fervur pastorali lill-poplu Malti ż-żewġ papiet preċedenti, il-Papa San Ġwanni Pawlu ll f’Mejju 1990 u reġa’ rinforzat b’tant ħeġġa fil-viżita qasira iżda drammatika tal-Papa Emeritu Benedittu XVl f’April 2010. Hawnhekk nemfasizza kif l-istrateġija tal-messaġġ apostoliku dejjem kienet u tibqa’ ippermjata fuq il-fus tal-kontinwita’ u tar-rinforz tal-ispirtu Nisrani permezz tal-Universalità tal-Knisja Kattolika.

Issa għal xiex huwa essenzjali li ngħarblu l-kronoloġija tal-appuntamenti Nazzjonali li ser isawru d-destin tal-gżejjer tagħna s-sena ddieħla? Nafu biċ-ċert li l-politika amministrattiva u d-diplomazija Vatikana responsabbli għaż-żjarat internazzjonali uffiċċjali tal-papa ma tippermettix li dawn jitfasslu u jseħħu xi ftit ġimgħat immedjatament qabel jew dlonk wara xi inkontru elettorali nazzjonali importanti (bħalma indubbjament hija elezzjoni ġenerali). Per eżempju l-Vatikan ħabbar li rrifjuta li jaċċetta li ssir l-ewwel żjara Franċiża għall-Papa Franġisku , li kienet ilha mistennija li titnehda għax-xhur li ġejjin. Din issa żgur m’hijiex mistennija qabel ma tintemm l-elezzjoni presidenzjali Franċiża li hija skedata għal April 2022.

Niftakru li din hija waħda mill-aktar deċiżjonijiet elettorali ta’ ċertu portata ġewwa l-Unjoni Ewropea u tinvolvi preparazzjoni sfiqa ta’ bosta votazzjonijiet magħrufa bħala primarji li jitħejjew mill-Partiti Politiċi l-kbar sabiex jiġu magħżula l-kandidati uniċi rispettivi tagħhom. Dan il-proċess ta’ identifikazzjoni tal-kontendenti presidenzjali fil-fatt ma jgħoddx għall-gżejjer Maltin u għalhekk għalina m’hemmx skop għall-kawtela esaġerata ta’ xhur sħaħ sabiex jiġi stabbilit l-intervall ‘prudenti’ bejn id-data taż-żjara tal-Papa f’Malta u l-eventwali jum tal-votazzjoni magħżul b’deċiżjoni tal-Prim Ministru.

Issa biex jien ġej b’dawn l-ispeċi ta’ preamboli kollha? B’daqxejn loġika strategika li ikolli nammetti li ma tellfitlix ħafna irqad jew swietli ħafna ħin prezzjuż, jekk ikolli ngħid dan li ġej huwa elenku ta’ fatturi bosta minnhom eżiġenti li jidhirli li sejrin jiddeterminaw l-għażla ta’ jum il-votazzjoni mill-Prim Ministru Dr Robert Abela (li naturalment tibqa’ kostituzzjonalment prerogattiva tiegħu biss) għad taqa’ għall-jum is-Sibt 26 ta’ Marzu jew is-Sibt 2 ta’ April 2022.

  1. 1. Il-PM Abela ikun f’sitwazzjoni loġistikament vantaġġjuża li jannunzja d-data tal-elezzjoni ġenerali mat-tielet jew massimu r-raba’ gimgħa ta’ Frar hekk kif ikun ġie xprunat mill-energija u mħeġġeġ mis-suċċess inevitabbli tal-imsemmija żjara ta’ Franġisku fil-gżejjer Maltin u li tkun għadha friska fl-imħuħ tal-Maltin u l-Għawdxin.
  2. 2. Il-PM ikollu t-tragward tal-ħeġġa li ġġib magħha r-rebbiegħa ġdida u jkollu anqas riskju li kemm il-kampanja elettorali u wisq aktar jum il-votazzjoni jkunu imxekkla jew imtappna mir-riskju ta’ mewġ’ oħra tal-epidemija li aktar għandha possibilità xjentifika li terġa’ tolqot qatigħ u tfaqqas fil-jiem b’aktar qalila mill-ewwel xahrejn tas-sena.
  3. 3. Il-PM politikament ikun għamel l-għażla tiegħu bil-konvinzjoni li xi miżuri l-aktar essenzjali tal-Budget ’22 u propagandistikament favorevoli għalih u għall-Partit Laburista ikunu laħqu già qegħdin jinħassu. Dan biex ma nirrimarkax ukoll l-inevitabbli gwadann li jkun laħaq iġġenera permezz tal-famuża tattiċi per-elettorali li jafu jammontaw għall- patronizazzjoni ta’ faxex vulnerabbli sħaħ tal-elettorat u possibilment ekwivalenti għall-kundizzjonar tal-vot permezz tal-attentati organizzati ta’ vote-buying mastiċċ u li hu tant magħruf li hu mustaċċun fihom il-Partit Laburista.
  4. 4. Fid-deċiźjoni tiegħu aħħarija, il-PM ikun iggwidat anke mill-esperjenza għarfa tal-familja tiegħu stess. Źgur li diġa’ ntgħarraflu li ma jkunx għaqli li jġebbed aktar bla bżonn hekk kif il-polz tal-eletturi ikun jista’ dlonk ixaqleb f’daqqa meta (u mhux jekk) il-purchasing power tal-familji ikompli drammatikament jitfaqqar. Dan ser iseħħ inevitabbilment permezz ta’ żieda allarmanti tal-prezz tal-energija li ilha deċiża iżda rritardata minħabba raġunijiet purament elettorali. Niftakru li il-prezz tal-fuwels u allura l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ser ikollhom bilfors jogħlew ħesrem u jilħqu s-smewwiet sal-aħħar tal-ewwel kwart tas-sena ddieħla. Il-prezzijiet attwali setgħu ġew ikkontrollati s’issa għax gawdew mill-istabbilta’ tal-ftehim tal-hedging. Wara l-inkontru elettorali li jmiss, anke r-rata tal-Vat ikollha togħla għal madwar 20% minħabba d-dejn strutturali li għolla rasu b’mod totalment insostenibbli għall-ġenerazzjoni li sejra issegwina.
  5. 5. Fl-aħħarnett nerġa’ nfakkar dak li kont innotajt f’xi artiklu ieħor: il-fatt inkontrastabbli li konsistentement kull amministrazzjoni Socjalista-Laburista mgħoddija dejjem kellha tendenza li tradizzjonalment tagħżel jum ta’ elezzjoni ġenerali li jkun jikkoinċidi ma’ jum ta’ festa nazzjonali. Dan naturalment sabiex tiġi mgħejjuna l-grinta u l-entużjażmu għaċ-ċelebrazzjoni eventwali ta’ rebħa oħra Soċjalista/Laburista mat-tħabbir tar-riżultat tal-iskrutinju popolari.

Leave a Reply