L-abort u l-membri tal-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista
Blog post minn osservatur politiku
Meta l-Partit Nazzjonalista ddaħħal f’diskussjoni dwar l-abort ma setgħetx tkun realta’ li tagħmel ħsara ħafna aktar minn affarijiet oħra. Jekk kien hemm suġġett li missu ġie evitat għal kollox dan huwa dak tal-abort. Dan huwa patata taħraq għal kull partit politiku għax fil-politika ssib nies ta’ kull idea u fehma. Jekk ma tridx toqros lil naħa jew lil oħra evita li titkellem dwar dan is-suġġett.
Għandi f’idi li dawk il-kandidati fil-Partit Nazzjonalista kellhom jiddikjaraw bil-miktub jew bil-fomm li għalkemm għandhom opinjoni liberali fuq l-abort, se jagħmlu ħilithom kollha li dak is-suġġett ma jsemmuhx.
Tajjeb li f’dan l-istadju xi ħadd mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista jikkonferma jekk dan hux veru jew le. Tajjeb li l-votant Malti u Għawdxi jkun jaf x’arranġamenti saru ma min iddikjara li hu pro-choice ħalli kulħadd ikun jista’ jirreaġixxi skond l-opinjoni tiegħu jew tagħha.
L-istatut tal-Partit Nazzjonalista ma jħalliex lok ta’ dubju. Ħa nikkwota x’jgħid l-istatut fir-referenza tiegħu lejn l-abort. Is-sezzjoni 10.a jgħid hekk
“Il-Partit iwettaq dawn il-prinċipji u jimpenja ruħu li jaħdem biex: a) kulħadd jiżviluppa u jħares saħħtu, mill-konċepiment sal-aħħar nifs, bl-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, f’familja mibnija fuq l-imħabba, mingħajr id-dellijiet ta’ faqar, diskriminazzjoni, abbuż u esklużjoni.”
Mill-ewwel jibdew ġejjien il-mistoqsijiet. Tgħid min hu favur l-abort se jaċċetta li jimpenja ruħu li jaħdem “mill-konċepiment sa l-aħħar nifs”? Tgħid il-kandidati u l-uffiċjali li ssemmew u li ddikjaraw li huma pro-choice se jaħdmu biex jintlaħaq l-għan ta’ dan il-prinċipju mniżżel abjad fuq l-iswed fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista?
Dawn in-nies jistgħu jwiegħdu mingħajr ebda kondizzjoni li lesti jaħdem fil-Partit jew fil-Parlament jekk ikunu eletti biex kull persuna Maltija u Għawdxija tiżviluppa u tħares saħħitha mill-konċepiment sal-aħħar nifs? Kif jista’ jkollok prinċipju prinċipali fl-istatut tal-partit u jkollok nies li ma jistgħux jagħtuk garanzija għall-imġieba tagħhom illum u fil-futur?
Irridu niftakru li l-linka tal-aċċettazzjoni tal-istatut m’ilhiex snin, imma kemm kemm għadha nixfet il-firma. U niftakru wkoll li dan għadda unanimament. Imma dan l-imbierek statut ikompli hekk:
“4.(1) Persuna li tagħżel li tissieħeb membru fil-partit għandha: b) tħaddan il-prinċipji, l-Istatut u d-dixxiplina tal-Partit.”
Mela meta taqra din il-kitba fl-istatut wieħed irid jistaqsi, kif jista’ jkun li kandidat jew kandidati ma jħaddnux il-prinċipji imniżżla fl-istatut? Kif jista’ jkun li l-esekuttiv tal-partit aċċetta kandidat jew kandidati li huma pro-choice?
Allura bil-fors li kif intqal qabel kien hemm xi tip ta’ dikjarazzjoni jew arranġament. Kif jista’ jkun li Bernard Grech ressaq isem kandidata li tħaddan prinċipju li jmur kontra l-istatut tal-partit stess? Jekk ma hemm ebda arranġament kif jista’ wieħed jifhem li Bernard Grech nnifsu impona isem kandidata fuq l-esekuttiv? Allura għalfejn tissemma d-dixxiplina fil-partit jekk jeżistu persuni li huma kandidati li qed jiksru dak li huwa tant ċar fl-istatut?
Meta tirraġuna b’dan il-mod bil-fors tasal għall-konklużżjoni li hemm xi arranġament għax ma jistax ikun li persuna tgħaddi mill-għarbiel tal-esekuttiv b’dan il-mod tant sempliċi. Jekk hu hekk għandna bżonn inkunu nafu x’inhu eżattament dan l-arranġament li hemm mingħajr ma nħallu l-elettorat b’dawn id-dubji kollha.