Where your opinion counts

It-tweġiba tiegħi lil Peppi Azzopardi dwar is-suwiċidju ta’ Arun Jose

Nibda biex nirringrazzja lil Peppi Azzopardi talli sab ħin biex jwieġeb il-post tiegħi dwar ir-raġuni tal-aħħar suwiċidju fil-ħabs.

  1. 1. Peppi Azzopardi beda biex jgħid li f’dawn l-aħħar snin, il-ħabs kisser ħafna priġunieri. Fuq din naqblu u fuq dan ser inġib anki ex-priġunier li lest jitkellem fuq il-korruzzjoni li kien hemm fil-ħabs fl-imgħoddi. Il-problema llum hija li dawk li qed jattakkaw lil Alex Dalli jridu jġibu lill-ħabs kif kien fl-imgħoddi, jiġifieri fejn il-korruzzjoni, il-flus u d-droga jmexxu din l-istituzzjoni. Imma hawn mhux fuq l-imgħoddi qed nitkellmu imma fuq l-amministrazzjoni ta’ Alex Dalli, il-bniedem li naddaf lill-ħabs mid-droga. Mela l-argument hawn huwa jekk Alex Dalli u l-amministrazzjoni tiegħu taħtix għall-fatt li persuna Indjana, bl-isem ta’ Arun Jose, ikkommettiet suwiċidju minħabba l-kondizzjonijiet tal-ħabs jew le. It-tweġiba hija le. L-amministrazzjoni ta’ Dalli ma taħtix u l-ħtija għandha ġġorrha l-pulizija u l-uffiċċju tal-avukat ġenerali.
  2. 2. Hawn niġi għat-tieni punt imqajjem minn Peppi Azzopardi. Azzopardi qalli b’mod indirett x’għandha x’taqsam il-fatt li persuna tagħmel suwiċidju mal-fatt li ma tingħatax il-liberta’ proviżorja. Il-verita’ hija li persuna barranija tressqet il-qorti għaliex mara li tbati bid-dimensja akkużatu li abbuża minnha sesswalment. Quddiem din l-akkuża gravi, ittella’ l-qorti u l-qorti ma tagħtux il-liberta’ proviżorja. Kien ilu fil-ħabs minn Marzu. Hawn qed inġib kif din l-istorja ta’ Arun Jose kienet irrappurtata f’The Times.

https://timesofmalta.com/articles/view/carer-charged-with-non-consensual-sexual-act-with-patient-remanded-in.855529?fbclid=IwAR21vaXKaa6BL-lrGi06cFWGbNFarzYz0xP93ReIM5gH7sRGlQ5Oyu1tXnY

X’tgħidilna din l-istorja? Li dan l-anqas kellu flus biex iħallas avukat. Spiċċa bl-avukat tal-foqra jiddefendih. L-avukat tal-foqra għamel xogħlu sew f’dan il-każ, imma l-preġudizzju jibqa’. Ħeqq dan barrani! X’kien ir-riżultat? Il-mara tiegħu marret lura f’pajjiżha u ħadet magħha t-tarbija li kellhom. Jidher kif xi ħadd kiteb fuq is-sit tiegħi li din il-mara ma kellhiex aktar flus biex tmantni lilha nnifisha. Ħadet magħha it-tarbija li kellhom. Sadanittant, Arun Jose baqa’ jinżamm il-ħabs, imċaħħad milli jara l-familja f’pajjiż għarib għalih. Fuq kollox, fil-kultura Indjana, din l-akkuża hija gravi ħafna. Anki beda jissejjaħ pedofil. Din hija akkuża gravi oħra fil-kultura Indjana. Imbagħad x’ġara? Fl-aħħar seduta l-maġistrat li qiegħed fuq dan il-każ ta ħasla lill-pulizija u miegħu lill-avukat ġenerali talli x-xhud prinċipali, jiġifieri l-mara li qalet li dan il-bniedem abbuża minnha sesswalment ma nġibetx bħala xhieda. Biss xorta quddiem dan in-nuqqas serju, min-naħa tal-prosekuzzjoni, il-qorti ma tagħtux il-liberta’ proviżorja. Għidli x’jibqa’ f’persuna meta jara l-istat b’dan l-akkaniment kontra tiegħu! Imma skont Peppi Azzopardi, dan ma għandux x’jaqsam mal-fatt li din il-persuna għamlet suwiċidju. Dawn kienu l-affarijiet li jwasslu biex Arun Jose biex jagħmel suwiċidju u mhux is-sitwazzjonij fil-ħabs!

3. Peppi Azzopardi qal li fl-artiklu tiegħi jien kxift li dan kien ser jagħmel suwiċidju. Hu qal li l-priġunieri kienu konxji li dan ried ineħħi ħajtu b’idejh u dan għidtu jien. Ma nafx fejn jien għidt dan il-kliem. Li għidt kien li l-priġunieri kien jafu bl-istorja tiegħu u bdew jitkellmu fuq il-każ tiegħu. Biss ma għidtx li kienu jafu li ried ineħħi ħajtu b’idejh! Issa ħa ngħid xi ħaġa li ma għidthiex. Ċertu priġunieri kienu jħarsu lejh bl-ikrah peress li kien hemm min akkużah li hu pedofil. Azzopardi jaf sew il-kodiċi mhux miktub fil-ħabs fost il-ħabsin kontra l-pedofeli. Fil-fatt, l-amministraturi tal-ħabs ħadu l-prekawzjonijiet kollha u għalhekk dan il-priġunier kien waħdu f’ċella fil-ħabs u mhux ma ħabsin oħra biex ma jkunx attakkat minn priġunieri oħra.

4. Fir-raba punt tiegħu, Azzopardi spiċċa jikkontradiċi lilu nnifsu. Azzopardi qal li anki jekk dan il-priġunier ma qal xejn li hu ried jagħmel suwiċidju, żgur kellu jkollu l-attenzjoni għax l-akkuża li kellu fuq rasu kienet tpoġġih f’riskju ta’ suwiċidju. Mela, Azzopardi spiċċa jaqbel miegħi li dan is-suwiċidju kien riżultat tal-akkuża li kellu quddiem il-qorti. Biss imkien ma qal li l-awtorijiet tal-ħabs kienu jafu li dan il-priġunier ried jagħmel suwiċidju. Azzopardi stess ammetta li l-awtoritajiet ma kinux jafu. Imbagħad hemm it-tieni punt.

X’irid jimplika Azzopardi b’dan il-kliem dwar il-fatt li dawk li jkunu akkużati fuq reati sesswali għandhom ikollhom attenzjoni differenti minħabba r-riskju li jista’ jkollhom ta’ suwiċidju? Qed nifhem sew li kull min jiddaħħal il-ħabs akkużat fuq akkużi sesswali għandu jitqies li qiegħed f’riskju ta’ suwiċidju? Jaf Azzopardi x’ifisser dan kollu? Dan ifisser li persuna tingħalaq f’ċella għarwiena, u f’din iċ-cella ma jkollha xejn fiha, l-anqas sodda u toqba fl-art. U fuq kollox, id-dawl jinżamm mixgħul lejl u nhar u l-gwardjani l-ħin kollu jgħassu fuqu! Vera persuna ma tagħmilx suwiċidju, imma f’dawn il-kundizzjonijiet tispiċċa tiġġennen! Infakkar li Yorgen Fenech kien inżamm f’kondizzjonijiet simili imma Azzopardi ma kienx fetaħ ħalqu dak in-nhar!

5. Min-naħa tiegħi, ma nafx kemm kien ilu mejjet il-persuna li kkommettiet suwiċidju meta nstab mill-gwardjani. Fuq dan ma nistax nikkummenta. Biss x’qed jimplika Azzopardi b’li kiteb? Qed jimplika li dan inqatel minħabba traskuraġni tal-gwardjani fil-ħabs? Jien naf li taħt Dalli kien hemm korp ta’ gwardjani ddedikati ħafna għax-xogħol u dan nafu għaliex staqsejt direttament gwardjani fuq dan il-fatt.

6. Mhux ser nirrispondi fuq is-sitt u s-seba’ punt li għamel Azzopardi. J’alla l-ombudsman jagħmel investigazzjoni sew tal-fatti. Biss kien hemm tant stejjer fil-gazzetti, issa l-ombudsman ħolom li jinvestiga minn rajh. Ara fuq l-istejjer l-oħra qatt ma investiga minn rajh!

7. Lil Azzopardi ngħidlu li l-ħabs ma jitmexxix b’diretturi part-time. Alex Dalli kien bniedem li kien il-ħabs minn sbieħ Alla sa ma jidlam. Għalhekk ġab ir-riżultati li ġab u llum hemm min għandu żaqqu tuġgħu.

8. Nagħlaq billi ngħid li wara li Dalli ssospenda lilu nnifsu, ċemplitli omm li għandha binha l-ħabs u wriet it-tħassib tagħha li Alex Dalli ma għadux direttur għaliex l-aktar ħaġa li tobgħod din il-mara hija d-droga. B’Dalli bħala direttur, il-ħabs inħeles mid-droga. Din l-omm kienet taf li binha kien safe fil-ħabs meta Dalli kien direttur u mhux ser ikun espost għal dan il-vizzju. Din l-omm mhux mis-suwiċidju qed tibża imma li binha jmut il-ħabs b’xi overdose!

9. L-aħħar punt ta’ Azzopardi kien dwar ir-rata ta’ suwiċidji fil-ħabs. Dan jitlob analiżi apparti u bi ħsiebni nagħmilha fi blog separat.

One thought on “It-tweġiba tiegħi lil Peppi Azzopardi dwar is-suwiċidju ta’ Arun Jose

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *