Hate speech

Matul dawn il-jiem numru ta’ partitarji Nazzjonalisti ġew imsejħa d-depot għaliex l-istar candidate ta’ Bernard Grech ħassitha offiża minn kummenti li qalulha għaliex hija pro-choice. Hawn għandna nies li ġew mgħajta d-depot, inkluż persuna anzjana, literalment fuq biċċa screenshot u l-mod kif ġew trattati mill-pulizija, kienu ġa tqiesu bħala ħatja.

Naqbel ma dawk in-nies li qed jinsistu li persuni għandhom jieqfu jittellgħu l-qorti fuq biċċa screenshot. Din trid tinqata’. Hawn mhux qed ngħid biss għal dawk li huma kontra l-abort, imma anki għal dawk li huma favur l-abort, jew fuq minn jagħmel xi messaġġ politiku. Fuq kollox, il-linġwaġġ ta’ dawn li huma favur l-abort ma tantx hu ħelu. Biss xorta ma naqbilx li dawn għandhom jittellgħu l-qorti minħabba xi kitba goffa li jistgħu jiktbu.

Hawn nixtieq infakkar li f’sentenza tal-appell, il-qorti iġġudikat li screenshot mhux prova biżżejjed ta’ kundanna. Għall-inqas din kienet l-opinjoni tal-imħallef Giovanni Grixti u għandu raġun għaliex wieħed irid jieħu l-kuntest kollu. Ma jistax ikun, kif jgħidu bl-Ingliż, wieħed jagħmel “cherry picking” ta’ sentenzi biex iġib il-boċċa qrib il-likk.

Fuq kollox għandna numru ta’ persuni li għandhom profile falz fuq Facebook. Dawn joqgħodu jgħidu u jiktbu li jridu. Ara dawn ma jinstabux ħatja. Ara dawn il-pulizija ma ssibx min huma. L-anqas għadha l-pulizija ma sabet jekk il-profile ta’ Marica Galea hux magħmul minn ġo The Times of Malta jew le. B’hekk qed jinħolqu preċedenti koroh għax jista’ xi ħadd anki joħloq profile ta’ xi ħadd ieħor u dak li jikteb jibda’ jkun attribwit lil ħaddieħor.

Għalhekk qatt ma nista’ naqbel meta xi maġistrat, kif ġara ftit ilu li jsib persuni ħatja fuq hate speech, u dawn spiċċaw ħadu sentenza sospiza. Dawn instabu ħatja għax kellhom il-kuraġġ jiktbu taħt isimhom. Ara kieku dawn kitbu taħt fake profile, qatt ma kienu jistgħu jinstabu ħatja għaliex il-pulizija qatt ma hija ser issib min verament huma.

Ma għandix dubju li ħafna jammettu għaliex dawn li qed jittellgħu huma, ħafna drabi, nies li qatt ma daħlu l-qorti. Ovvjament dawn ma humex avukati u allora ma jafux kif jartikolaw il-kliem. U b’hekk huwa faċli li jinstabu ħatja ta’ hate speech. Finalment dan hu terminu u kunċett suġġettiv ħafna. Dak li hu hatespeech għalik – mhux hate speech għalija. B’hekk naħseb li numru ta’ nies li qed jintalbu li jidhru fid-depot jew li qed jitressqu l-qorti, jispiċċaw jammettu ħtijiethom, jiġifieri jagħmlu ammissjoni anki jekk fil-verita’ mhux persuni li jobgħodu lil ħadd. Infatti, ħafna drabi dawn jispiċċaw jinstabu ħatja li jobgħodu meta fil-fatt ma hemm l-ebda mbegħda imma kummenti b’saħħithom.

Għalhekk ma naqbel xejn ma dawn il-liġi li bihom qed jittellgħu persuni l-qorti.

https://timesofmalta.com/articles/view/twenty-facebook-users-plead-guilty-to-hate-speech.897937

Dan ma jfissirx li qed ngħid li dawn qed jagħmlu sew. Kulħadd jista’ jkun meqjus fi kliemu. Biss ħafna drabi, dawk li jħossuhom offiżi, huma stess jkun fi ċrieki ta’ nies li jużaw l-istess lingwaġġ imma forsi għax jitkellmu bl-Ingliż, allura ma jitqiesx hate speech għax kliem baxx bl-Ingliż jinstema pulit f’widnejhom.

Biss dak li hemm wara dan kollu huwa l-umiljazzjoni. L-idea hija li persuna tinstab ħatja  biex tkun imġegħla titlob skuża, ħalli indirettament tiġi imġiegħla tammetti li għamlet użu ħażin minn mezz tat-telekomunikazzjoni u b’hekk tkun tista’ tintuża bħala eżempju għal deterrent.

Imma kemm fil-verita’ hemm użu ħażin tat-telekomunikazzjoni, meta xi ħadd jgħid lil xi ħadd ieħor li qiesu Hilter? Dan it-tip ta’ diskors jiġi mibdul f’hate speech għaliex warajh hemm motivi ulterjuri jew kif ngħidu bil-Malti, ħaġa twassal għall-oħra. F’dan il-każ, biex jiddaħħal biża’ f’dawk li huma kontra l-abort biex ma jikkummentawx ħalli b’hekk tkun aktar faċli jiddaħħal l-abort f’Malta. Fi kliem ieħor, dan qed isir ħalli, kif jibda d-dibattitu tal-abort, jaqgħtu saqajn jew ilsien ta’ dawk kontra.

Biss ġrat falza stikka f’dan il-każ. Innutajt li l-media damet ma kkummentat fuq l-istorja ta’ dawn in-Nazzjonalisti li ġew imsejħa d-depot. Anki l-media tal-Knisja baqgħet b’ħalqha magħluq. Il-verita’ hija, li dawk favur l-abort indunaw li dawn ħadu falza stikka. Kif jgħidu b’Ingliż, l-arrest ta’ dawn in-Nazzjonalisti backfired, inkluż l-istess media tal-Knisja Kattolika, raw kif għamlu biex inaqqsu mill-ħsara li tista ssir lil kawża tal-abort f’Malta.

Wara li sar dan ir-rapport, ħafna Nazzjonalisti ġew konxji li l-partit tagħhom, taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech inħataf mill-abortisti u issa hemm biża li jiżdiedu l-astenzjonijiet ta’ Nazzjonalisti li jivvutaw lill-partit tagħhom stess.  

One comment

Leave a Reply