Illum ser jiltaqa’ l-grupp parlamentari: Bernard Grech jibgħat għal xi MPs biex jaqblu miegħu fuq il-Cannabis

Ma nkunu qed nikxfu ebda sigriet meta ngħid li d-diskussjoni dwar il-cannabis fil-Partit Nazzjonalista tħalliet għal-lum l-Ġimgħa 12 ta’ Novembru. Fl-4.30 se jiltaqa’ l-grupp parlamentari biex ikomplu jiddiskutu u jipprovaw jaqblu fuq linja ta’ ħsieb waħda dwar x’pożizzjoni se tittieħed mill-Partit Nazzjonalista.

F’dan is-sit ġa ġie ppubblikat x’inhi l-pożizzjoni li ħa Dr Bernard Grech dwar il-cannabis. Bernard Grech irid li l-grupp parlamentari jivvota kif qed jaħsibha t-tifel tiegħu li hu favur il-liġi tal-cannabis. Mela Dr Grech ġie nfluwenzat minn ibnu fuq il-pożizzjoni favur li qed jieħu u qed jagħmel ħiltu kollha biex jasal għal dik il-pożizzjoni wkoll fil-Partit.

Imma t-triq mhux faċli għal Dr Bernard Grech. Fil-fatt rajnieh f’dan l-aħħar ħinijiet, jieħu l-mistoqsijiet tal-ġurnalist tal-ONE fejn rajnieh jirrispondi fuq kollox barra fuq il-kannabis. Semma d-divorzju u semma lil Joseph Muscat biex jipprova jinħeba mill-pożizzjoni fuq il-cannabis għaliex s’issa pożizzjoni fil-Partit Nazzjonalista għad ma hemmx.

Fil-fatt xniegħat li ħerġin mill-kuruturi tad-Dar Ċentrali jgħidu li Bernard Grech qed jibgħat għal xi wħud mid-deputati biex jipprova jikkonvinċihom dwar il-pożizzjoni tagħhom dwar dan is-suġġett. Anke hawnhekk Dr Grech qed jagħmel differenza bejn il-grupp parlamentari.

Hu mhux jibgħat għal kulħadd imma qed jibgħat għal uħud għax jaħseb li jista’ jasal magħhom meta jitkellmu wiċċ imb’wiċċ. Anke hemm qed jagħmel diskriminazzjoni jew qed jagħmel differenza bejn membri minn oħrajn. Imsomma jrid juża l-politika ta’ divide et impera. Din hija politika ta’ ifred u saltan, għaliex meta tibgħat għal wieħed u ma tibgħatx għal ieħor tkun qed tagħmel tip ta’ diviżżjoni.

Tista’ tkun qed turi wkoll li ma tkunx komdu titkellem ma’ kulħadd. Tfisser ukoll li jaf li ma hu se jagħmel xejn ma min hu sod fil-ħsieb tiegħu fuq it-tema diskussa. Allura tasal għal konklużjoni li Dr Grech huwa batut fil-ħaġa li minn dejjem jiftaħar biha – il-medjazzjoni.

Nafu wkoll li l-grupp parlamentari diġa’ ltaqa’ xi ħames darbiet biex jipprova jasal għal pożizzjoni waħda fuq il-cannabis. Anke dan il-fatt li d-diskussjoni qed titħalla għall-aħħar jiem qabel tkun diskussa fil-parlament huwa fatt stramb. Din ma ġietx fuq il-partit ħesrem. Din ilha li ġiet preżentata xhur u saħansitra kienet ħarġet white paper għad-diskussjoni, li sfortunatament il-Partit Nazzjonalista ma għamel xejn fuqha u qatt ma ddiskutiha fil-miftuħ. Allura wieħed jistaqsi, għalfejn għandek tħalli sa l-aħħar mument għal diskussjoni bħal din? Tagħmel hekk biex forsi fl-aħħar nett tipprova twassal lil xi wħud biex jaqblu miegħek in extremis?

One comment

Leave a Reply