Bernard Grech qed jaħseb li n-Nazzjonalisti Ġaħan

Dak li ġara dawn il-jiem juri li Bernard Grech qed jaħseb li n-Nazzjonalisti Ġaħan. Jekk dan jaħseb li fil-politika tista’ tgħaddi n-nies bi żmien ser jgħarralu bl-ikrah. Dan tista’ tagħmlu fil-professjoni ta’ avukat imma ma tistax tagħmlu f’partit konservattiv.

Infakkar li grazzi għal Bernard Grech u l-kandidata stilla tiegħu, numru ta’ partitarji spiċċaw imċappsa mal-pulizija. Mara anzjana, biex inkun eżatt nanna spiċċat saħansitra nġabret mill-pulizija u spiċċat tinfaqa’ tibki fid-depot.

Biss jekk ħaseb li Bernard Grech qatel l-attakki kollha fuq Emma Portelli Bonnici wara, skond hi, kien hemm kampanja ta’ miżinformazzjoni kontra tagħha u kontra il-Partit Nazzjonalista, ser jgħarralu.

Il-Partit Nazzjonalista ġralu bħal dik id-diskussjoni li saret bejn Emir Għarbi u l-Patrijarka ta’ Konstantinopli. Meta ġew biex jitkellmu fuq it-Trinita’, l-Emir Għarbi għamel linja fir-ramel u qal lill-Patrijarka li dik il-linja ma tistax tinqabeż. Fi kliem ieħor, ċertu diskussjoni mhux aktar permessibbli. Bernard Grech qabeż il-linja ta’ kunċetti li huma sagri għan-Nazzjonalisti ta’ veru.

Issa sirna nafu li l-pro-choice candidates ser jibqgħu jaħdmu ma’ Dr Grech biex jiġġieldu dan il-Gvern ineffettiv u korrott. Fi kliem ieħor, min-naħa Dr. Grech qal li ma hemmx post fil-PN għal min hu favur l-abort. Min-naħa l-oħra, ser iżomm il-kandidati pro-choice u ser jibqa’ jistmaħhom ta’ star candidates a skapitu ta’ kandidati oħra.

Is-sabiħa li l-kandidati pro-choice qed jitkellmu li qegħdin fil-Partit Nazzjonalista mhux biex jibdlu l-istatut tal-istess partit jew biex jintroduċu l-abort imma biex ikunu parti mill-bidla li pajjiżna għandu bżonn.

Il-verita’ hija li wara dan kollu hemm ħadma kbira. Min irid idaħħal l-abort f’Malta kien jaf li l-PN huwa ostaklu. B’hekk ħadu opportunita’ tal-inkwiet intern fil-PN. Għenu fit-tneħħija tal-kap. Qegħdu minfloku pupazz, u fuq kollox qegħdu f’pożizzjonijiet strateġiċi n-nies tagħhom u tawhom salarji mogħla s-smewwiet u b’astuzja kbira qed jitlobu lill-kattoliċi Nazzjonalisti biex jagħtu d-donazzjonijiet ħalli jiffinanzjaw is-salarji tagħhom u t-tkissir tal-prinċipji li l-istess Kattoliċi Nazzjonalisti huma tant għeżiz għalihom!

Imbagħad, bl-użu medjatiku tal-media, dawn il-pro-choice fil-Partit Nazzjonalista qed jippreżentaw lilhom infushom bħala erojja li ser isalvaw lill-partit u lil pajjiż. Kważi qed jitolbu lill-kattoliċi Nazzjonalisti biex jirringrazzjawhom talli kienu lesti jitilqu kollox għal dan l-għan nobbli.

Imma mbagħad, morru staqsuhom jekk biddlux il-ħsieb tagħhom fuq l-abort? Dak ma biddluhx. Ħadd minnhom ma qal li biddel il-pożizzjoni pro-choice tiegħu.

Dr Grech għamilha ċara meta għamel id-dikjarazzjoni tiegħu fuq ir-radio li ma hemmx post għal dawk pro-abort. Huwa qal li biex tibqa’ timmilita fil-Partit Nazzjonalista ma tistax tkun favur l-abort. Mela skond kliem Dr Grech, jekk dawk pro-choice, iridu jibqgħu fil-Partit Nazzjonalista iridu jagħmlu dikjarazzjoni li biddlu fehemthom. Kemm hu sewwa li tippontifika għax taħseb li n-Nazzjonalisti Ġaħan!

Biss ir-realta’ hija li numru ta’ persuni ġew mgħajta d-depot biex jirrispondu għall-kummenti għax iddefendew il-ħajja bil-mod li jafu huma. Fuq kollox, f’Malta mhux kulħadd jaf jikteb bħal avukati.

Ħafna Nazzjonalisti ma għadhomx jinteressahom x’qed jippontifikaw dawk pro-choice li Bernard Grech qed jimbotta l-quddiem. Jien l-iktar li qed naħseb fuq dawk in-nies, Nazzjonalisti ta’ veru bħali, (u mhux saru Nazzjonalisti biex jilħqu kap ta’ partit) li ġew mgħajta quddiem spettur u spiċċaw kellhom jagħmlu dikjarazzjoni minħabba li persuna, għax hija tal-qalba ta’ Bernard Grech, ħassitha offiża u ġiet mgħajra.

X’ser jagħmel il-Partit Nazzjonalista dwar dawn in-nies li minħabba l-istar candidate ta’ Bernard Grech spiċċaw id-depot? Se tmur din l-avukatessa għand l-ispettur jew il-pulizija biex tiddikjara li dawn ma offendewx lilha imma qalu li bħala Nazzjonalisti jaċċettaw biss dawk li huma favur il-ħajja, kif fuq kollox jgħid l-istatut tal-istess Partit? U llum hija biddlet fehmtha u saret favur il-ħajja?

Qatt il-Partit Nazzjonalista ma spiċċa f’din is-sitwazzjoni antipatika u imbarazzanti u ta’ dan kollu, dawk risponsabbli qed jitħallsu l-belli liri fix-xahar minn fuq il-ġbir li jagħmlu fost in-Nazzjonalisti.

Il-verita’ hija li Bernard Grech u l-kandidati tiegħu pro-choice ġew jaqgħu u jqumu minn dawn in-nies u l-istatut tal-PN. L-importanti għal Bernard Grech huwa li dawn iżommu posthom bħala kandidati tal-Partit Nazzjonalista. Fuq kollox meta tiġi s-siegħa u l-waqt, huma dejjem jistgħu jgħidu li ser jaħdmu u jivvotaw għall-abort għaliex qatt ma ddikjaraw li biddlu fehemthom!

Leave a Reply