Il-Partit Nazzjonalista għandu jibqa’ miftuħ għad-dibattitu intern fuq l-abort

Blog post minn osservatur politiku

Din l-istorja tal-abort li qajmet l-irwiefen fil-Partit Nazzjonalista. Lili fakkritni f’affarijiet oħra u f’sitwazzjonijiet li kienu saru fl-2019, eżatt qabel l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew. Dak in-nhar Dr Adrian Delia kien qal li l-vot għall-membri tal-Parlament Ewropew kien se jkun ifisser qiesu vot f’referendum favur il-ħajja.

Hemm bżonn li nġeddu l-memorja u niftakru x’kienu għamlulu dak in-nhar lil Dr Adrian Delia dawk favur l-abort fil-Partit Nazzjonalista. Dakinhar salbuh. X’kien jonqoshom jgħidu dwar dik id-dikjarazzjoni li kien għamel Dr Delia? Issa Dr Bernard Grech mhux talli qal hekk u ried ifisser l-istess ħaġa li kien qal Dr Delia, imma talli mar oltre minn hekk. Dr Grech qal li min hu favur l-abort irid jitlaq.

Dan ifisser li qatel id-diskussjoni interna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. U aktar minn hekk, kisser il-liberta’ tal-espressjoni fil-Partit Nazzjonalista. Allura issa x’se jiġri? Din l-anqas Delia qatt ma qalha.

X’se tagħmel, Claudette Buttigieg li hi simpatizzanti ħafna ma dawk li huma favur l-abort wara din id-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech? Ser tibqa’ fil-Partit Nazzjonalista jew ser tmur għand il-President u tgħidlu biex ineħħi lil Bernard Grech minn kap tal-Oppożizzjoni?

X’se jiġri minn Emma Portelli Bonnici li hija favur il-‘pro-choice’? Bernard Grech ser iħalliha fil-Partit Nazzjonalista u kandidata tal-Partit Nazzjonalista? X’se tagħmel Eve Borg Bonello? Se titlaq ukoll? X’se jiġri mill-President tal-FOIPN, Jamie Vella, li hu favur l-abort u kien ħadha qatta’ bla ħabel kontra Adrian Delia għaliex favur il-ħajja?

Sa ċertu punt nisperaw li le, ma jitilqux. U għaliex qed ngħid dan? Għax il-Partit Nazzjonalista, minn dejjem kien partit li jħaddan id-dibattitu. Dejjem kien mużajk ta’ ideat. Minn dejjem kien jaċċetta opinjonijiet differenti u kien miftuħ għad-diskussjoni kemm interna kif ukoll miftuħa.

Żgur li l-Partit Nazzjonalista qatt ma keċċa lil ħadd. Imma dan nistgħu ngħiduh sal-lum biss, għax x’se jiġri fil-futur għadna ma nafuhx. Żgur li d-diskussjoni interna saret ukoll xi ftit diffiċli. U dan qed narawh mid-diskussjoni dwar il-cannabis.

Din id-diskussjoni se tidħol fir-raba’ jew ħames laqgħa tagħha għaliex għad ma hemmx pożizzjoni waħda fuq dan is-suġġett. Nimmaġina allura kemm se tkun aktar diffiċli li tiddibatti l-abort meta hemm stipulat fl-istatut, iswed fuq l-abjad, li l-partit huwa favur il-ħajja mill-konċepiment sal-aħħar nifs.

Leave a Reply