Kompliet ix-xhieda ta’ Konrad Mizzi f’atmosfera aktar ċivili imma l-battibekki ma naqsux

Segwejna seduta oħra tal-Public Accounts Committee u rajna għal darba oħra lil Konrad Mizzi jkompli jagħti x-xhieda tiegħu, f’forma ta’ preżentazzjoni. Din kienet it-tieni seduta fejn Konrad Mizzi kompla bid-depożizzjoni tiegħu. Kienet pjuttost kalma s-seduta barra meta xi kullar tal-qmies jibda’ jagħfas xi ftit żejjed lil xi deputat tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt kellna għall-inqas darbtejn fejn kellna battibekki bejn Konrad Mizzi u deputat tal-Partit Nazzjonalista. Din id-darba ma kienx involut wisq Beppe Fenech Adami. Biss Karol Aquilina daħal fiha u refa’ leħnu sewwa biex jagħmel żgur li jinstema. Miegħu telgħalu wkoll Ryan Callus li wkoll qabeż meta suppost kellu jibqa’ kalm.

Xi ħaġa li llum għokrot l-għajnejn kienet li t-tliet deputati tal-Partit Nazzjonalista kienu kontinwament jilgħabu bil-laptop jew bil-mobile. Din ġrat tul is-seduta kollha. L-uniku ftit li neħħew għajnejhom minn fuq dawn l-aġġeġġi kien meta saħħnet ftit is-seduta u bdew il-battibekki. F’ħin minnhom tant kienet qed tbaqbaq l-istorja li wieħed mill-avukati ta’ Konrad Mizzi talab ħames minuti break.

L-uniku darba li tella’ għajnejh Dr Karol Aquilina kien meta refa’ leħnu waqt il-battibekki. Fil-ħin l-ieħor kien kontinwament għajnejh fil-laptop għat-tul tas-seduta.

Tant jaqgħu fuq livelli redikoli li waslu fi stat li jiġi mistoqsi għaliex Konrad Mizzi ġie mkeċċi mil-Partit Laburista. Għal iżjed minn darba rappreżentant fuq il-kumitat tal-Partit Laburista kellhom jgħidu lil Ryan Callus biex ma jindaħalx x’isir fil-Partit Laburista u li l-kumitat kien qed iħares lejn ir-rapport tal-awditur fuq l-Electrogas.

Ma tistax ma tikkummentax li biex issir seduta tal-PAC ma hemmx għalfejn taqa’ f’livelli ta’ diskussjoni jew mistoqsijiet li huma totalment barra mis-suġġett?

Komporata mal-ewwel seduta meta Konrad Mizzi kien qed jixhed, wieħed irid jgħid li s-seduta kienet pjuttost kalma u ċivili, apparti bħal ma diġa ntqal l-ħin ta’ battibekki li seħħew.

Mid-dehra d-depożizzjoni ta’ Konrad Mizzi kopriet żewġ terzi tagħha u se jkollu jkun hemm seduta oħra fejn Konrad Mizzi ikun jista’ jkompli bil-preżentazzjoni tiegħu biex wara nibdew nassistu għall-mistoqsijiet li għandhom lesti kemm id-deputati tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Partit Laburista.

Leave a Reply