Il-Kurja kellha tiddefendi lil Fr. Andre u mhux tagħlaqlu ħalqu għax tkellem kontra l-abort

Blog post minn Romegas

Immaġinaw li kieku kelli nipproponi pubblikament li għandna jkollna diskussjoni nazzjonali biex ikollna d-dritt noqtlu s-suwed, jew nies b’diżabbiltà jew oħrajn ta’ minoranza li forsi ma naqbilx magħhom, għar-raġunijiet li huma konvenjenti għalija, kieku sparat jtellgħuni l-qorti fuq hate speech u dan bir-raġun. Li kieku l-kurja tgħidx kemm twiddibni u wkoll bir-raġun.

Allura għalfejn naġevolaw lil min irid jdaħħal fostna il-qtil tal-innoċenti, it-trabi fil-ġuf u biex jiġġustifikaw dan kontra kull evidenza tax-xjenza, u jipprovaw ineżżgħuhom mill-umanità tagħhom ukoll? Dan ma jikkwalifikax bħala hate speech għall-media?

Sa kemm naf jien, inċitamenti biex isir abort għadu att kriminali. Xi ipokrezija. Iridu taparsi diskussjoni imbagħad jitilqu jiġru għand il-pulizija bħall-babies kif xi ħadd jikkritikakom. Id-diskussjoni tagħhom tarawx ma taċċettax kritika għax li kieku l-pożizzjoni tagħhom tmut zoptu. Iżda għall-media tagħna li l-abort TRIDU u qed timbottah b’mod sottili – two weights two measures – u hekk donnu ukoll għall-pulizija.

U xi ngħidu għall-Knisja Kattolika f’Malta? Il-Kurja min-naħa tagħha għamlet ritirata papali oħra – coraggio fuggiamo – ma mmorrux nurtaw lil xi ħadd; ħarba totali ma’ l-ewwel ħoss ta’ sparatura, aħseb u ara kemm nistgħu noqgħodu fuqha la tiġi l-‘gwerra’ biex tiddefendi l-interessi tagħna u fuq kollox tat-trabi innoċenti. Alla ħares l-appostli kienu tal-kalibru tagħhom, għax kieku lanqas qatt ma tniffsu barra mill-Palestina… Kieku l-Battista kellu l-istess fibra bħalhom, rasu baqgħet fuq għonqha! U x’qal fuq kollox Dun Andre? – kkomparaha l-istar candidate tal-PN ma’ Hitler – fattwalment Hitler kien AMATEUR  jekk kellna nagħmlu paragun storiku fuq in-numru ta’ mwiet – 6,000,000 vs ‘l fuq minn 40,000,000 fis-SENA grazzi għall-abort, b’dan tal-aħħar li m’hemmx dubju li huwa ġenoċidju mingħajr paragun.

Akkużaha li hi qattiela – għal darb’oħra,  jekk wieħed iqis l-abort bħala qtil (u l-liġi tagħna dak li tgħid), allura min jippromwovi l-qtil huwa kompliċi tal-qtil, iddeskriviha bħala biċċiera  – u hawn ukoll irridu niftakru li waqt Hitler bagħat in-nies għall-gass, fl-abort ma tmutx mewta daqshekk malajr – le jqattgħuk biċċa biċċa f’ġuf ommok bl-aktar mod kiefer.

L-abort huwa meqjus mill-Knisja Kattolika bħala ħażen intrinsiku u kulmin jippromwovih jista’ jqis ruħu awtomatikament skomunikat. Iżda l-Knisja Maltija u dik istituzzjonali donnha m’għadhiex temmen it-twemmin tagħha stess, u allura flok twiddeb u anki fejn hemm bżonn tiskomunika dawk li jippretendu li huma kattoliċi meta jippromwovu l-ħniżrijiet biex tagħmel l-affarijiet ċari, twiddeb minflok wieħed mill-ftit qaddejja fidili li fadal fi ħdanha talli kellu t-temerità li ma jdurx mal-lewża u jmur dritt għall-essenza.

Il-punt importanti fuq kollox huwa dan – jekk ma tistax tqabbel min jippromwovi l-abort ma’ Hitler (li qatel ferm inqas nies milli qatlet l-industrija tal-abort), jekk ma tistax tqabbel lil xi ħadd li jippromwovi l-qtil bħala qattiel u jekk ma tistax tgħid li min jippromwovi mod ta’ qtil mill-aktar barbaru bħala biċċier – allura inkunu DIĠA AĊĊETTAJNA li m’hemm xejn ħażin fl-abort, li m’hu xejn ħlief l-eżerċizju ta’ opinjoni u allura serħu raskom, l-abort jidħol Malta u jidħol f’qasir żmien – jekk mhux illum għada – u dan bil-barka tat-temerezza tal-Kurja Maltija li tiddarras meta xi ħadd fi ħdanha jgħid b’mod ċar dak li m’għandhiex il-kuraġġ tgħid hi. Istituzzjoni godarda anzi agħar minhekk – nazzarda ngħid traditura.

Intant Bernard Grech jista’ jaqbad u jżarma, riesaq lejn umiljazzjoni tremenda, għax la għandu l-intellett u lanqas kapaċità bażika biex joffri oppożizzjoni dwar dak kollu li qed idardar u jinkwieta l-Maltin – u le la l-korruzzjoni li hi universali u lanqas il-climate change ma huma fost il-prijoritajiet. Lanqas biss għandu l-irġulija biex jinforza l-prinċipji mnaqqxa iswed fuq l-abjad fl-istatut tal-partit li qed imexxi. U miegħu jista’ jieħu lil dawk kollha li ġabu l-Partit NAZZJONALISTA fl-istat miskin li hu, dawk it-tradituri li biegħu lill-pajjiżhom għal tletin biċċa tal-fidda, dawk il-ġakbini li aktar jinteresshom li jidhru tajjeb fl-Ewropa milli mal-Maltin li suppost qed jirrapreżentaw. Jaf min huma u aħna nafu min huma wkoll u sakemm hemm hu u huma, mhux ser jaraw il-vot tiegħi.

Leave a Reply