Id-deputati Laburisti fuq il-Kumitat tal-Etika mġegħla jivvutaw kontra Rosianne Cutajar?

Il-bieraħ, il-media tatna l-aħbar li l-Kumitat ta’ Etika ivvota jew aħjar endorsja r-rapport ta’ George Hyzler kontra Rosianne Cutajar. Dan ifisser li d-deputati Laburisti membri fuq dan il-kumitat ivvutaw mal-Oppożizzjoni kontra Rosianne Cutajar anke jekk fis-sessjonijiet tal-kumitat li għaddew attakkaw il-konklużjonijiet ta’ Hyzler u l-mod ta’ kif wasal ghalihom. Infakkru li Hyzler qal fost l-ohrajn li qatt ma jista’ jkun ċert jekk Rosianne Cutajar ħaditx senserija. Huwa qal ukoll li mhux l-ewwel darba li fl-istorja sar miscarriage of justice.

Huwa stramb kif f’daqqa waħda d-deputati tal-Gvern biddlu l-attitudni tagħhom. Jista’ jkun li saret pressjoni minn Kastilja biex id-deputati Laburisti biex jivvutaw mad-deputati Nazzjonalisti favur r-rapport ta’ Hyzler? Jista’ jkun illi hemm min kellu interess li l-każ jingħalaq ħalli Yorgen Fenech ma jitlax jixhed?

Jekk  huwa minnu li saret xi pressjoni minn Kastilja, din hu inkwetanti ħafna għaliex dan ifisser li Kastilja hija biċċa waħda ma’ Jason Azzopardi li ilu għal xhur sħaħ jattakka lil Rosianne Cutajar.

Wara dan il-vot fil-Kumitat tal-Etika, Jason Azzopardi mar jigri jikteb fuq Facebook u qal li Rosianne Cutajar għandha tirreżenja mill-parlament. Għal darba oħra, Jason Azzopardi għaġġel. Bil-kitba tiegħu wera li hemm manuvri intenzjonati li jagħmlu ħsara politika lil Rosianne Cutajar anki fil-Partit Laburista stess.

Kumbinazzjoni Rosianne Cutajar instabet ħatja minn dan il-Kumitat tal-Etika wara li falla l-attentat li sar mill-istess Jason Azzopardi u sħabu fil-Kunsill tal-Ewropa. Il-Kumitat tal-Privileġġi tal-Kunsill tal-Ewropa tefa’ l-ballun f’saqajn il-Kumitat tal-Etika tal-Parlament Malti. B’kumbinazzjoni ftit jiem wara, dan il-kumitat, li kien ilu ma jiltaqa’ xhur sħaħ, iltaqa’ u  ħareġ bil-verdett tiegħu.

Jista’ jkun li din il-manuvra saret biex jkun hemm pretest biex Rosianne ma titħalliex tikkontesta bħala kandidata fl-elezzjoni li ġejja bl-iskuża li nstabet ħatja mill-kumitat tal-etika. Infakkar li Rosianne Cutajar toħroġ fuq l-istess distrett ta’ Robert Abela u hija persuna maħbuba fid-distrett.

Wieħed ma jistax ma jinnotax kif Jason Azzopardi reġa’ għażaq meta qal li Rosianne Cutajar għandha tirriżenja. Il-Laburisti ġa ħarġu bi ħġarhom favur Cutajar. Fuq il-paġna tal-grupp tiegħi, huma fakkru li anke Jason Azzopardi nstab ħati mill-Kumitat tal-Etika tal-Parlament Malti wara li ħa flus mingħand it-Tumas Group biex imur jżur il-qabar ta’ Kristu. Biss xorta ma rreżenjax, avolja gideb. Wieħed irid ifakkar li saħansitra l-Awditur Ġenerali kien talbu jassumi risponsabilita’ politika għal dak li ġara fil-każ tal-Lowenbrau u anki hawn, Azzopardi qatt ma assuma din ir-risponsabilita’ politika li fi kliem semplici tfisser li kellu jirreżenja mill-Parlament.

Biss bl-għaġġla tiegħu Jason Azzopardi reġa’ kixef u fixkel il-pjannijiet moħbija ta’ Kastilja!

Leave a Reply