L-esekuttiv tal-PN irid jagħti spjegazzjoni kif għażel kandidata pro-choice biex issawwat Nazzjonalisti li huma kontra l-abort

Blog post minn osservatur politiku

Ara f’hiex spiċċa l-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech! Ma nistax nifhem kif avukatessa li naħseb taf tajjeb taqra l-istatut u tifhmu, ippreżentat ruħha quddiem l-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex tkun kandidat f’dan il-Partit ta’ oriġini Demokristjana. U din saret star candidate taħt Bernard Grech. Għal ġieħna, Bernard Grech fl-elezzjoni ta’ kap ftaħar li kien jagħti l-korsijiet ta’ Kana!

Kulħadd jaf x’jgħid l-istatut tal-Partit Nazzjonalista. Għal din ir-raġuni biss, din il-mara qatt ma messa ressqet isimha biex tkun kandidata ta’ dan il-partit. Bir-raġun, li ser ikun hemm persuni li huma ttesserati tal-partit li ser juru d-disapprovazzjoni tagħhom kif jafu.

U aktar tal-iskantament kif l-esekuttiv ġie illupjat biex jaċċetta isem ta’ persuna li tiddikjara b’mod miftuħ li qed tmur kontra l-istatut tal-partit. U għal ġieħna, fl-esekuttiv ipoġġu politiċi li jiftaħru li huma tal-Opus Dei.

Xi kwalita’ ta’ due diligence saret qabel din il-persuna ġiet konfermata kandidat? Jekk l-informazzjoni li għandi hija tajba, din il-kandidata ġiet nominata minn Bernard Grech stess. Mela, jekk hu veru li ġiet innominata mill-kap, jista’ xi ħadd mill-esekuttiv jispjega kif din irnexxielha ma tgħaddiex mill-bieb imma tidħol mit-tieqa, dan kollu għax ta’ ġewwa?

Jista’ xi ħadd jispjegali kif din il-bniedma tista’ tgħaddi mill-għarbiel tal-partit fuq prinċipju daqstant sagrosant? L-insulti li din qalgħet kienu kollha fuq l-abort u mhux fuq xi suġġett ieħor. Nafu wkoll li wara li stqarret kemm attakki qed tirċievi, il-kap tal-partit ħareġ jiddefendiha u jagħmlilha kuraġġ. Mela kważi Bernard Grech tana x’nifhmu li hu jaqbel mad-diskorsi u d-dikjarazzjonijiet li għamlet. Mela Bernard Grech ma jidhirx inkwetat li din marret kontra prinċipju sagrosant tal-partit u se jibqa’ jħallieha kandidata tal-Partit Nazzjonalista.

Mela jien, u naħseb ħafna bħali, li nemmnu fil-prinċipju tal-ħajja, ma jista’ qatt jgħaddieli minn moħħi, li bħala parti integrali mill-partit ikollna lil xi ħadd fil-parlament kontra l-ħajja.

Qatt ma hu aċċettabli li dan il-partit ikollu fi ħdanu kandidat li jikser wieħed mill-prinċipji ewlenin li aħna bħala partit nemmnu fih u saħansitra daħħalnieh fl-istatut jiġifieri , il-prinċipju tant b’saħħtu li nħarsu l-ħajja mill-konċepiment.

Quddiem dan kollu, l-esekuttiv irid jagħti spjegazzjoni, lilna l-membri ta’ dan il-partit kif qed jaċċetta kandidati li pubblikament iħaddnu prinċipji li jmorru kontra l-istatut tal-Partit Nazzjonalista u mbagħad bl-azzjonijiet tagħha jispiċċaw jissawtu Nazzjonalisti li minn dejjem immilitaw fil-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply