Għaliex l-avukat ġenerali ma għajjatx lil Keith Schembri għall-kontro-eżami tad-difiża? Fl-aħħar għandna t-tweġiba.

Iċ-chats li qed jippubblika Mark Camilleri huma chats li fuqhom hemm divjit tal-qorti, min-naħa tal-maġistrata Rachel Montebello. Biss illum l-ebda ġurnalista ma qed jiskandalizza ruħu li bil-pubblikazzjoni ta’ dawn iċ-chats qed tinkiser il-liġi. Fuq kollox, l-ebda avukat min-naħa tal-familja Caruana Galizia ma hu qed jargumenta li min jippubblika affarijiet li fuqhom sar divjit mill-qorti, verosimilment qiegħed f’alleanza ma’ kriminali!

Dan il-fatt u l-pubblikazzjoni ta’ dawn iċ-chats ikomplu jsostnu dak li ilni ngħid f’dan is-sit: l-avukat Jason Azzopardi mhux jagħmel xogħlu bħala avukat tal-familja Caruana Galizia. Għax issa li beda jinkixef ftit dak li għadda bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech, il-mistoqsija tqum waħidha: għala Jason Azzopardi qatt ma staqsa xejn dwar dawn iċ-chats fil-qorti? Infakkar li Jason Azzopardi għandu dawn iċ-chats u kellu kull ċans li jistaqsi lil Keith Schembri innifsu meta deher fil-qorti u anki lill-pulizija dwarhom.

Infakkar li Jason Azzopardi kellu ċans jistaqsi fil-qorti lil Keith Schembri dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech, meta ttella’ bħala xhud tal-prosekuzzjoni. Imma qatt ma lissen kelma. Tgħid għaliex? X’jaf Keith Schembri fuq Jason Azzopardi biex iżommu tant lura li jistaqsih mistoqsijiet diretti u diffiċli?

Mark Camilleri għadu kemm ippubblika chats fuq il-WhatsApp, li skond Camilleri għaddew bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri fid-19 ta’ Novembru 2019, ġurnata qabel ma Fenech ġie arrestat fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Camilleri qal li dawn ic-chats, saru eżatt qabel ma’ Fenech prova jaħrab minn Malta.

Mela ejja nassumu li vera Yorgen Fenech ried jaħrab, għala qatt Keith Schembri ma ġie mistoqsi dwar dan il-fatt mill-parti ċivili? Infakkar li d-deputat avukat tar-repubblika spiċċa biex qatt ma ħarrek lil Keith Schembri biex ikun eżaminat mill-avukati tad-difiza. Ma għandix dubju li dawn kieku żgur jistaqsu lix-xhud dwar eżattament x’ried jgħid biha l-kelma “leave” Yorgen Fenech. Din il-kelma użaha Yorgen Fenech f’messaġġ li bagħat lil Keith Schembri. Hu staqsih hekk għandux jitlaq jew le. Din qed tinqara bħala prova ċara li ried jaħrab. Biss verament tfisser li jaħrab? Jew staqsih għaliex ried jibqa’ Malta u ma jmurx bil-yacht Sqallija jekk il-pulizija kellha pjan biex tarrestah? Infakkar li Yorgen Fenech ma jistax jitkellem u jispjega eżatt x’ried jgħid għaliex il-proċeduri tal-kompilazzjoni ma jaħtuhx dritt li jitkellem.

Qed ngħid dan biex il-qarrej jifhem kif jistgħu jiġu manipulati chats privati. F’dan il-każ din il-manipulazjzoni qed issir bl-għajnuna tal-pulizija u l-uffiċju tal-avukat ġenerali. Infakkar li dawn iċ-chats qed jinġiebu mill-prosekuzzjoni bħala prova biex Yorgen Fenech ma jingħatax il-liberta proviżorja. Biss imbagħad il-persuna li saru miegħu dawn iċ-chats qatt ma ġie mgħajjat mill-uffiċju tal-avukat ġenerali biex jitpoġġa għall-kontra eżami tad-difiża u ħadd mil-parti ċivili ma staqsa lil Keith Schembri eżatt x’ried ifisser b’dawk ir-risposti li ta lil Yorgen Fenech.

Permezz ta’ dawn iċ-chats sirna nafu li Fenech qal lil Schembri biex ma jħalliehx waħdu u biex jagħtih is-sostenn tiegħu. Sirna nafu wkoll li Schembri qal lil Fenech biex ikun aggressiv u jiġġieled. Biss ma sirniex nafu l-kuntest ta’ dawn iċ-chat u agħar l-avukati tad-difiża għadhom ma għamlux il-kontro-eżami dwarhom.

Għalhekk wieħed jibqa’ skantat kif meta Jason Azzopardi kellu quddiemu fuq il-pedana tax-xhud lil Keith Schembri, dan l-avukat ma staqsa xejn dwar dawn iċ-chats u ma prova joħroġ ebda informazzjoni minn fomm Schembri fuq dawn l-allegazzjonijiet koroh li ħerġin u agħar minn hekk, Keith Schembri qatt ma ġie msejjaħ mill-avukat ġenerali biex jitpoġġa għall-kontro-eżami tad-difiża.

Mela dawn iċ-chats mhux talli ma jikkonfermax li Yorgen Fenech ried jaħrab, kif il-pubblikazzjoni tagħhom tista’ timplika, imma tkompli tikkonferma d-dirty tricks li d-deputat avukat ġenerali lagħab fil-kumpilazzjoni tax-xhieda ħalli akkost ta’ kollox, iżomm bniedem dawn is-snin kollha arrestat il-ħabs meta quddiem il-liġi għadu innoċenti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *