Ser imorru r-ribelli għand il-President tar-Repubblika wara s-surveys tal-bieraħ?
Blog post min osservatur politiku
Ftit iżjed minn sena ilu rajna r-ribelli tal-Partit Nazzjonalista jilgħabu l-logħba kerha, li trid tibqa’ tissemma għal snin twal u li se tidħol fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista, li llum nistgħu ngħidu li ma tat ebda riżultat. Għal kuntrarju waslet għal disfatta kbira. Anżi kieku verament hawn Malta għandna l-kultura tar-riżenji, s’issa misshom irtiraw u marru jinħbew x’imkien il-bogħod mill-politika.
Fil-bidu ta’ Novembru ħarġu żewġ surveys oħra li t-tnejn juru l-istess ħaġa, li jekk issir elezzjoni issa l-Partit Nazzjonalista jieħu tkaxkira fenominali oħra. Issa biex inkunu għamilniha ċara mill-ewwel, bħalissa r-ribelli qegħdin kwieti u ma humiex jitħambqu u jirremettu ħdura kontra l-kap tagħhom. Mela nistgħu nikkonkludu li bħalissa Bernard Grech qiegħed fuq in-naħa t-tajba tad-deputati kollha u ma għandu ebda rewwixta sfaċċata kontra tiegħu bħal ma kellu ta’ qablu. Mela suppost l-affarijiet qiegħdin sew.
Niftakru tajjeb li l-klikka tar-ribelli kienu jgħidulna li l-affarijiet kienu se jitjiebu meta jinbidel il-Kap. Mela nistgħu nifhmu li r-ribelli, kien min kien il-kap, kienu se jaħdmu miegħu jew magħha, u b’hekk konna mwiegħdin li l-Partit Nazzjonalista kien se joħroġ mill-abbissi li kienu jgħidu li l-kap ta’ qabel kien niżlu fihom.
Issa għaddew tlettax-il xahar u l-Partit Nazzjonalista għadu fl-istess ilma li kien ftit iktar minn sena ilu. Mela x’inbidel? Fejnhom ir-ribelli issa li wegħduna tant xorti ftit iżjed minn sena ilu? Kif ma huma qed jgħidu xejn? X’qalulna fuq is-surveys ta’ Novembru? Ma jaħsbux li jaqblilhom jitkellmu għax huma għandhom partit kbira mill-ħtija li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fejn qiegħed? Jafu x’għamlu b’idejhom dawn in-nies meta marru għand il-President ta’ Malta jiġġakbinaw lill-kap tagħhom? Jafu li hawn ħafna ex-Nazzjonalisti li ma humiex se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista minħabba li numru ta’ deputati marru għand il-President? Jafu dawn il-qabda ribelli li hawn ħafna li dejjem ivvutaw lill-Partit Nazzjonalista li issa ma jridux jafu għax grupp ta’ ribelli marru javveluhom għand il-President? Jafu li l-istorja ta’ meta marru għand il-President avvelit lil ħafna Nazzjonalisti aktar mill-akbar telfa f’elezzjoni ġenerali? Jafu dawn ir-ribelli li meta pruvaw jilgħabu mal-kostituzzjoni ta’ pajjiżna tant ħamru wiċċ in-Nazzjonalisti li hemm minnhom li jħossuhom jistħu jgħidu li kienu huma li poġġew lil dak il-grupp ta’ ġakbini fil-Parlament u issa ma jridux ikollhom x’jaqsmu iżjed magħhom?
S’issa għadna ma smajniex li marru għand il-President. S’issa għadu jistennihom. Għax issa tagħmel sens li jerġgħu jmorru biex forsi jfiequ minn dnubhom talli ħadu dik il-falza stikka numru ta’ xhur ilu. Ikun jaqbel li jerġgħu jmorru ħalli, għalkemm jerġa’ jkun żball, imma almenu juru li nidmu mill-iżball madornali li kienu għamlu s-sena l-oħra. Jekk imorru jistgħu jgħidu li ammettew li żbaljaw u se jieħdu dan il-pass biex jippruvaw jirranġaw l-iżball li kienu għamlu. Issa tidher ċara li l-iżball li għamlu s-sena l-oħra kien kardinali għax ma tbiddel xejn mis-sena l-oħra ‘l hawn anżi l-affarijiet marru għall-agħar. Il-kalkoli tagħhom kienu kollha ħżiena. Il-wegħdi tagħhom kienu kollha wegħdiet fieragħ. L-għażla tagħhom kienet għażla ħażina u qed tidher bil-provi. L-antiċipazzjoni tagħhom tant irriżultat ħażina li jekk is-sena l-oħra s-sitwazzjoni kienet ħażina, issa saret tal-waħx.

Is Segretarju David Copier ghadu jiflah ghal tkaxkira ohra.