Is-surveys tal-bieraħ u l-ħrafa li qed tiżdied il-fiduċja fil-mexxej tal-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Ebda skuża, ebda raġuni, ebda realta’ ma hi vera ħlief li l-Partit Nazzjonalista qiegħed lura, u lura ħafna, skond is-surveys tal-bieraħ. Jekk iż-żewġ surveys qed jistqarru xi differenza bejniethom ma ġara xejn għax ir-riżultat tat-tnejn li huma qed juru li d-distakk bejn il-partiti hu ta’ ‘l fuq minn 45,000 vot. Mela jekk imqabbla mal-elezzjoni tal-2017, id-distakk kiber u t-tkaxkira, jekk issir elezzjoni illum, se tkun akbar għall-Partit Nazzjonalista.

Mela inutli jiġi xi esponent tal-Partit Nazzjonalista jeqred fuq is-surveys. Inutli l-Malta Today tipprova tpinġih bħala li Bernard Grech għamel xi avvanz. L-unika ħaġa li trid tingħad hija li ma hemm xejn x’jistenna l-Partit Nazzjonalsita ħlief tkaxkira kbira oħra. Kull skuża tista’ tarmiha ‘l hemm għax ebda waħda ma treġi.

U din hija l-problema prinċipali tal-Partit Nazzjonalista għax kull darba li qed joħroġ survey b’riżultat diżastruż, għaliex il-partit mhux qed ikun onest u jammetti li hemm telfa kbira. Minflok jaraw x’se jagħmlu biex forsi jistejqru, joqgħodu jfittxu xi skuża banali jew jgħidu li naqas ftit mid-darba ta’ qabel u għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed javvanza.

Meta ma tammettix li l-problema qiegħda miegħek u qed iġġorrha fuq spallejk kuljum, ma tista’ qatt tieħu deċiżjonijiet drastiċi biex forsi tipprova tirranġa s-sitwazzjoni. Jekk il-Partit Nazzjonalista se joqgħod jipprova jaħbi r-realta tas-surveys fuq xi skuża banali jew jgħid li qed javvanza, allura verament il-partit għadu ma fehem assolutament xejn. Jekk il-Partit Nazzjonalista se jkompli jgħid li mar tajjeb u qed tiżdied il-fiduċja f’Bernard Grech, kif qal in-NET il-bieraħ, allura veru li l-Partit Nazzjonalista ġralu bħal tal-istorja u daħħal rasu fir-ramel. Ma hemm ebda skuża taħt il-kappa tax-xemx li tneħħi d-disfatti kbar li qed isoffri l-Partit Nazzjonalista.

Is-soluzzjoni ma hiex billi l-esponenti jippruvaw isibu skuża għall-affarijiet fattwali. L-ewwel ħaġa li trid issir hija li jsir eżami tal-kuxjenza profond. Iridu jiġu mqabbda xi esperti li jafu jgħarfu l-klima politika biex forsi jindikaw dak li qed isir ħażin mill-partit.

Ilu jintqal fuq dan is-sit li ebda elezzjoni ma tintrebaħ biss, billi tagħmel listi ta’ affarijiet ħżiena li jagħmel l-avversarju politiku tiegħek. Ebda elezzjoni ma ntrebħet b’mod awtomatiku għax l-avversarju politiku għamel ħafna żbalji. Għandna l-eżempju tal-aħħar elezzjoni ġenerali fejn ħafna kienu qed jistennew riżultat totalment differenti wara dawk in-nuqqasijiet kollha min-naħa tal-Gvern.

Imma l-poplu sovran, ħasibha mod ieħor u ta l-akbar rebħa lill-partit fil-Gvern. Jekk l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista mhux se jieqfu jikkritikaw biss, jekk mhux se jieqfu jfittxu l-iżbalji tal-Partit fil-Gvern, jekk mhux se jieqfu jitkellmu fuq l-autogoals li qed jagħmel il-Gvern, jekk mhux se jieqfu jgħajru lill-Partit Laburista, jekk mhux se jieqfu jfittxu kull xagħra fl-għaġina biex jattakkaw lill-Gvern, mhux se javanzaw.

Jekk mhux se jibdew jgħidu kif huma jagħmlu aħjar, jekk mhux se joħorġu b’soluzzjonijiet tanġibli, jekk mhux se juru t-triq ‘l quddiem, jekk mhux se juru viżjoni, jekk mhux se juru kif se jbiddlu l-mewġa negattiva, jistgħu jagħlqu ħalqhom għal kollox u jitfgħu x-xugaman minn issa. Fuq kollox, iridu jkollhom kandidati li jispiraw fiduċja fil-poplu.

Il-mixja sal-elezzjoni trid tkun mibnija fuq viżjoni ċara ta’ kif se jdawru f’opportunitajiet dawk l-okkażżjonijiet li qed jitlef il-Partit fil-Gvern. Jekk mhux se jfehmu t-triq ‘l quddiem ta’ kif il-ħajja ta’ kull individwu se taqleb għall-aħjar b’mod tanġibli għal kull Malti u Għawdxi, ir-riżultati ma tantx se jirnexxielhom iġibuhom.

2 thoughts on “Is-surveys tal-bieraħ u l-ħrafa li qed tiżdied il-fiduċja fil-mexxej tal-Partit Nazzjonalista

  1. 1. Negattivi…kollox hazin
    2. jidbedu min NGO Repubilka….agenda differenti
    3. Tindifa fil partit. Jehilsu min nies li qed jaghamlu hsara lil partit u lil Malta
    4. Aqda vera fil partit.
    5. Visjoni u proposti li lil poplu jaghmlulu differenza u mhux proposti fl’arja u bla hsieb

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *