Is-surveys tal-lum komplew juru li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jitlef in-nies tiegħu stess

Illum il-Ħadd kellna żewġ surveys; wieħed fit-Torċa u l-ieħor fil-Malta Today. Iż-żewġ surveys qed jagħtu l-istess xenarju anki jekk dak tat-Torċa huwa ftit agħar għall-Partit Nazzjonalista minn dak tal-Malta Today. Is-survey tat-Torċa juri li Bernard Grech qed jitlef is-support. Kif ħabbart il-bieraħ. il-Malta Today, qed jagħti xenarju ftit differenti.

Il-verita’ hija li l-mexxej Laburista qed ikompli jkabbar id-distakk tiegħu fuq il-Partit Nazzjonalista. Jekk wieħed iħares lejn is-survey ta’ Torċa, kieku ssir elezzjoni bejn iż-żewġ kapijiet, Robert Abela jgħaddih 75,000 elf vot b’differenza. Dan hu każ ipotetiku, għaliex aħna ma għandniex elezzjoni presidenzjali. Imma jekk issir elezzjoni bejn il-partiti, il-Partit Laburista jirbaħ b’distakk ta’ ‘l fuq minn 47,000 vot. Dak tal-Malta Today huwa rebħa b’46,000 vot differenza. Fiż-żewġ xenarji, jekk issir elezzjoni illum, il-Partit Nazzjonalista ser imur agħar mill-aħħar elezzjoni tal-2017.

Huwa ċar li l-Partit Nazzjonalista qed jiffaċċja problemi kbar biex iżomm il-votanti tiegħu miegħu stess. Dan ħareġ ċar fis-survey ikkommissjonat mit-Torċa. Hemm aktar votanti li ivvutaw PN li lesti jivvutaw Lejber milli votanti li fl-2017 ivvutaw Lejber u fl-elezzjoni li ġejja ser jivvutaw PN.

B’hekk, survey wieħed wara l-ieħor qed jinfurmana li hemm numru sostanzjali ta’ nies li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017 u issa hemm min hu deċiż u hemm min qed jaħsibha sew li mhux se jerġa’ jivvota lill-Partit Nazzjonalista. In-numru ta’ dawn in-Nazzjonalisti qed jiżdiedu u mhux jonqsu.

Il-Partit Nazzjonalista irid jifhem li dawn in-nies mhumiex xi floaters li kull elezzjoni jistħarrġu kif l-aħjar li jħossu li għandhom jivvutaw, imma hemm nies minn dawn li kienu qrib ħafna tal-Partit Nazzjonalista, imma issa ma jridux jafu aktar bil-Partit Nazzjonalista. Minflok it-tibdil tal-mexxej naqqas dawn il-votanti, ġara bil-maqlub. Dawn qed jiżdiedu. Dan huwa inkwetanti għal Partit Nazzjonalista. Dan il-partit irid jibda jieħu dawn l-affarijiet bis-serjeta’.

It-tmexxija fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jridu jaraw kif, għallinqas, iżommu magħhom votanti li dejjem taw il-vot tagħhom lill-Partit Nazzjonalista. Hemm raġunijiet diversi imma fost l-aktar diffużi huma li l-Partit Nazzjonalista huwa partit maqsum u mifrud. It-tibdil tal-mexxej ma ġab l-ebda għaqda. Anzi kompla jżid il-firda.

Raġuni oħra hija n-negattivita tar-rappreżentanti tiegħu. Meta tisma’ d-deputati prinċipali tal-Partit Nazzjonalista jitkellmu, dejjem bl-istess qanpiena: kollox ħażin f’dan il-pajjiż. Issa splodiet il-kwistjoni tal-abort li aktar ħa tnaffar Nazzjonalisti mill-partit tagħhom stess.

Meta sar dan is-survey ma kienx hemm l-aħħar xeni mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC). Matul din il-ġimgħa rajna tliet deputati Nazzjonalisti jaġixxu b’mod disturbanti u mhux idoneu. Dawn huma l-mumenti li fihom, ftit mid-deputati Nazzjonalisti qed ikomplu jsammru l-imsiemer fit-tebut tal-partit tagħhom stess.

Meta taħseb fuq dawn l-affarijiet u tisma’ lin-nies, li darba kienu akkaniti, jitbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista, allura s-sostenituri jistaqsu kif jista’ dan il-partit jirbaħ lil dan l-gvern? Dan hu partit li l-anqas ma hu kapaċi jżomm lin-nies tiegħu stess miegħu.

Wara dawn iż-żewġ surveys, ma nafx kif il-Partit Nazzjonalista se jikkonvinċi lil dawk, li tant għandu bżonnhom jekk irid jirbaħ, u li għadhom ma ddeċidewx kif se jitfgħu l-vot tagħhom, dawk li nirreferu għalihom bħala floaters, biex jivvutawlu.

Ma hux ta’ pjaċir għall-votanti Nazzjonalisti li jisimgħu li għad hemm distakk kbir bejn il-partiti jew bejn il-mexxejja tal-partiti u dan qiegħed jikber. Bernard Grech jagħmel sew li jipprova jżomm wiċċ kuraġġuż, imma lanqas hu sewwa jipprova jgħaddi n-nies biż-żmien meta jitkellem dwar is-surveys.

Hija daħqa sfaċċata li titkellem fuq is-silent voters u taħseb li kull min ma rrispondiex jew qal li ma jafx kif se jivvota, toħodha bħala garanzija li dawn se jivvutaw lil Bernard Grech. Dawn is-surveys tal-lum qed juru mod ieħor.

Ma nafx jekk il-Prim Ministru tax rigal lill-Partit Nazzjonalista meta tawwal l-għajta għal elezzjoni. Ħafna qed jittamaw li l-Partit Nazzjonalista għandu jaħtaf dawn il-ġimgħat li fadal qabel l-elezzjoni biex jagħmel eżami tal-kuxjenza u jara l-ewwel nett kif se jżomm lil tiegħu miegħu u wara jara kif se jikkonvinċi lil min għadu dubjuż biex forsi jikkonvinċih.

Huwa żgur li xeneġġjata bħal ma rajna matul din il-ġimgħa fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, ma tagħmel ebda ġid imma għal kuntrarju tgħaddi messaġġ lid-dubjużi. Dawn se jgħidu kif jista’ jkun jafdaw lil dawn li l-anqas huma kapaċi biss jagħmlu mistoqsijiet b’mod ċivili. Kull ma huma kapaċi jagħmlu huma t-teatrini. Il-poplu Malti u Għawdxi jesiġi serjeta’ mir-rappreżentanti parlamentari tiegħu u mhux fares. Il-fares inħalluhom għas-swali bil-palk fejn inkunu nistgħu nitilgħu biex ngħaddu ż-żmien bina stess u b’dawk ta’ madwarna.

Jekk le, il-PN ser jibqa’ jkollu minn dan it-tip ta’ surveys disastrużi.

One comment

Leave a Reply