Għala din il-kontroversja kollha dwar l-abort fil-Partit Nazzjonalista?

Emma Portelli Bonnici tinsab f’kontroversja fil-Partit Nazzjonalista għaliex waqt konferenza stampa, hija tkellmet dwar The Morning After Pill. Fil-verita’ hija ma semmietx l-abort direttament fil-konferenza stampa. Kien ix-shadow tas-saħħa, Dr. Stephen Spiteri li ndika li għad trid issir diskussjoni dwar l-introduzzjoni tal-abort fil-Parlament. Biss dan hu argument li ma jreġi xejn.

Min-naħa tagħha, Portelli Bonnici semmiet il-Morning After Pill b’xejn bħala proposta elettorali għat-tfajliet kollha ’l fuq mis-sittax-il sena u tkun available 24/7. Saħansitra, hija qalet li għandha tkun offruta mill- Mater Dei a bazi 24/7 u mingħajr kontroll jew restrizzjoni mediċi ta’ kull xorta, u ‘no questions asked’.

Niftakru li din il-pillola taħdem bħala ormona sintetika li ukoll tfixkel kimikament l-implantazzjoni tal-embrijun fil-fażi l-aktar prekoċi tiegħu. Kif spjega it-tabib Hermann Farrugia, din hija forma, li fiha nnifisha tfisser abort prekoċi fil-fażi l-aktar bikrija wara l-konċepiment jew tnissil.

Issa l-problema kollha għall-Partit Nazzjonalista tinsab hawn.

L-ewwel prinċipju tal-fehmiet bażiċi tal-protezzjoni u difiża għall-ħajja umana espress fl-artiklu 2, ‘viżjoni u missjoni’ tal-Istatut Nazzjonalista ġdid fjamant approvat unanimament mill-Kunsill Ġenerali PN, sena u nofs ilu jitkellem ċar u tond kontra l-abort.

Mela skont dan l-istatut il-ġdid, il-Partit Nazzjonalista ma jista’ lanqas suppost jaċċetta bħala membri tesserati fil-PN persuni li huma prochoice jew parti minn lobbies group li huma favur l-abort, bħal ma huma dawk membri tal-lobby groups – ProChoice Malta u Break the Taboo.

Aħseb u ara kemm jista’ jaċċetta persuni li huma favur l-abort biex ikunu kandidati jew jiġu ppreżentati bħala super candidates fil-Partit Nazzjonalista.

Dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista ma għadux jagħmel screening kif suppost tal-kandidati tiegħu biex jara li dawn iħaddnu l-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista. Infakkar li fil-Partit Nazzjonalista hemmm il-Kummissjoni Kandidati u din tirrakkomanda persuna li tkun kandidat u anki fuq liema distrett toħroġ. Ġa rrakkommandat kandidata fuq id-9 u l-10 Distrett li hija favur l-abort. Sussegwentement, ikun hekk l-approvazzjoni mill-Kumitat Ežekuttiv.

B’hekk meta jkun hemm kap ta’ partit, li persuna li tkun pro-abort tispiċċa star candidate, ambaxxatriċi u vuċi uffiċċjali tal-messagg tal-Partit jkun qed jistieden l-inkwiet.

Leave a Reply