Where your opinion counts

The Times qed taħraqha qalbha dwar is-‘solitary confinement’ fil-ħabs.

The Times qed tiskrupla li hemm ħabsin li qed jinżammu f’solitary confinement fil-ħabs ta’ Kordin. Skont The Times, dawn huma “convicted criminals“, jiġifieri persuni li nstabu ħatja mill-qorti. Kien hemm każ riċenti fejn l-qorti stess ordnat li l-ħati għandu, ta’ kull sena, jinżamm għal xi żmien f’ċella waħdu.

Biss nixtieq infakkar li Yorgen Fenech kien għamel xi żmien f’solitary confinement mingħajr ħtija. Wara li kien ġie arrestat u l-qorti ċaħditlu l-liberta’, Yorgen Fenech kien inżamm f’solitary confinement. Dam f’dan is-solitary confinement għal aktar minn tliet ġimgħat. Nixtieq infakkar li Yorgen Fenech għadu ma nstabx ħati, imma l-Maġistrata Rachel Montebello ċaħidtlu l-liberta’ provizorja u baqgħet tiċħadha anki jekk kien qed jinżamm f’ċella waħdu.

Ara meta Yorgen Fenech inżamm f’solitary confinement, l-ebda ġurnalist ma tkellem. Kollha qagħdu kwieti allavolja, dan ir-raġel sal-lum għadu mitqies innoċenti quddiem il-qorti. Anki jekk il-ġurnalisti kollha kienu jafu li qiegħed f’solitary confinement, inkluż dawk li jħobbu jitkellmu fuq il-ħruxijiet li hemm fil-ħabs, xorta dawn ma qalux kelma waħda favur Yorgen Fenech! Anzi kollha kienu f’kokkanja jagħmlu lobby biex ma jingħatax il-liberta’ provizorja, billi qagħdu jpinġuh bħala the mastermind tad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia meta fil-fatt mhux.

Tafu xi tfisser solitary confinement? Li persuna toqgħod f’kamra vojta, mingħajr sodda, u għalhekk trid torqod fl-art u fil-kamra jibqa’ d-dawl mixgħul. Jiġifieri, inti għandek id-dawl il-ħin kollu f’għajnejk, lejl u nhar. Fil-kamra ma għandek xejn li hu xejn. L-anqas ilma. Inewlulek l-ilma f’tazza. L-anqas toilet! Fuq kollox, min ikun f’solitary confinement, bħal ma kien Yorgen Fenech, ikunu jistgħu joħroġ mill-kamra għal nofs siegħa biss.

Imma issa The Times qed taħraqha qalbha. Sew tagħmel li titkellem ħalli forsi l-imħallfin ma jibqgħux jagħtu dawn it-tip ta’ pieni u fuq kollox, il-maġistrati jkunu aktar prudenti kemm iżommu persuni arrestati l-ħabs meta dawn għadhom ma nstabux ħatja, u aktar u aktar, jekk waqt l-arrest jitqiegħdu f’solitary confinement.

Fuq kollox, kont nistenna li The Times titkellem dejjem u mhux meta jaqblilha fuq dan il-fatt.

https://timesofmalta.com/articles/view/four-of-12-convicted-killers-have-solitary-confinement-terms.911562?fbclid=IwAR1ureXTVG3cickOsbfIHnnmOXumYj_IUirz6IhBdc_Pl_AAOuoXIEXnvA0

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *