Il-Pulizija ma appellatx fil-każ ta’ Karol Aquilina: konferma oħra tal-qrubija bejn Robert Abela u Repubblika

Ftit tal-jiem ilu kellna l-aħbar li l-Kummissarju tal-iStandards, George Hyzler, ma sabx ħati lil Karol Aquilina b’imġieba mhux etika għal mod ta’ kif kien irrappurtat li kien qed isuq il-karozza tiegħu. Għal ħafna deher stramb kif Hyzler ta l-verdett tiegħu meta suppost kien hemm appell tal-pulizija kontra s-sentenza li kien ta l-Maġistrat Victor G. Axiaq. Axiaq ma kienx sab lil Karol Aquilina ħati ta’ sewqan traskurat jew b’nuqqas ta’ kont minħabba l-mod ta’ kif kienu xehdu l-pulizija f’dan il-każ.

Dak li deher stramb kien il-fatt ta’ kif Hyzler ħarġet b’tali verdett meta suppost kien hemm appell. Fil-verita’, il-media qatt ma qalulna li l-pulizija appellat f’dan il-każ. Il-media tat x’jifhem li l-pulizija kienet ser tappella. Dan is-sit jista’ jikkonferma li l-pulizija qatt ma appellat din is-sentenza tal-Maġistrat Axiak.

Ħalli nagħmilha ċara. Jien dejjem għidt li ma naqbilx li Karol Aquilina kellu jittella’ l-qorti fuq dan il-każ. Hawn mhux qed nikkritika l-fatt li ġie illiberat jew ma sarx appell, imma l-fatt li suppost kellu jkun hemm appell, għax hekk qalet il-pulizija u mbagħad dan l-appell ma’ għamlitux. Il-pulizija trid tkun ċara u onesta mal-poplu Malti.

Kieku Hyzler ħareġ bil-verdett tiegħu waqt li kien għadu għaddej l-appell, kien ikun hemm raġuni li wieħed jistaqsi jekk kienx qed jippruva jiffluwenzaw lill-imħallef li quddiemu kien qed jinstema l-appell. Imma dan mhux il-każ, għaliex l-appell qatt ma sar. B’hekk il-Kummissarju tal-Istandards wasal għall-konklużjonijiet tiegħu wara li Aquilina ġie meħlus mill-Qorti u l-pulizija ma appellatx mis-sentenza tagħha. Jidher li ħalla ftit taż-żmien jgħaddi biex jintesa l-fatt li suppost kien hemm appell għaddej qabel ma ħareġ bil-verdett tiegħu li kkumpliment is-sentenza tal-Maġistrat Axiak.

B’hekk l-argument irid ikun politiku. Għala l-pulizija ma appellatx f’dan il-każ wara li kienet wegħdet li ser tappella? Għala l-media ma qalet xejn li l-pulizija ma appellatx?

Infakkar li l-pulizija u l-Avukat Ġenerali qed ifittxu kull xagħra fil-każ ta’ Yorgen Fenech. Infakkar li l-pulizija anki resqet lit-tifel ta’ ex-segretarju Parlamentari Laburista u akkuzatu b’tixhim. F’dan il-każ, saħansitra qed jidher l-assistent kummissarju tal-pulizija fil-qorti u l-pulizija mexxiet mingħajr kwerela.

Imbagħad hemm dan il-każ li l-pulizija titlef u ma tappellax. Ma nemminx li l-Prim Ministru ma’ jafx li l-pulizija ma appellawx. Dan il-fatt hu konferma oħra tal-qrubija li llum teżisti bejn Robert Abela u Repubblika. Din la hija ġusta u wisq inqas tajba għall-politika Maltija.

One comment

Leave a Reply