Elezzjoni bikrija: ftit aktar riflessjonijiet

Blog post minn osservatur politiku

Huwa diffiċli li wieħed jifhem kif il-Partit Nazzjonalista xpruna biex issir elezzjoni bikrija. B’dawk l-affarijiet kollha li għaddejjin bħalissa fil-qrati u anke fil-parlament, kont nippretendi li l-Partit Nazzjonalista kien jagħlaq ħalqu u jispera li jgħaddi ħafna aktar żmien biex forsi jinkixfu affarijiet oħrajn li jwasslu biex jikber in-numru ta’ votanti għall-Partit Nazzjonalista.

Li ilhom minn Awissu jħabbru li l-elezzjoni se tkun fil-qrib, hija xi ħaġa stramba u mhux faċli tifhimha. Kien hemm min irraġuna li jekk tiġi elezzjoni malajr, il-Partit Nazzjonalista jkun qala’ t-tkaxkira li mistennija tasal, u allura kemm jista’ jkun malajr, jerġgħu jibdew mill-bidu jibnu mill-ġdid.

U bil-fors irridu niftakru li jekk se jinbidel il-kap, dan se jkun ir-raba’ kap mill-2013 lil hawn li ma tantx ixerred fiduċja. Kif qed juru d-diversi stħarriġ, ma tantx jidher li l-Partit Nazzjonalista se jersaq, b’xi mod, qrib il-Partit Laburista. Ir-realta’ tidher li se tkun telfa oħra, it-tielet waħda wara xulxin, għaliex l-istħarriġ għadhom qed juru distakk qawwi bejn iż-żewġ partiti politiċi u distakk ikbar bejn il-mexxejja.

Suppost l-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista kellhom jifhmu li iktar ma jtawwal iktar tikber il-possibilita’ li titfaċċa xi informazzjoni kruċjali minn xi waħda mill-kawżi li hemm għaddejjin il-qorti, fosthom ta’ Daphne Caruana Galizia u oħrajn dwar il-ħasil tal-flus. Din mhux bilfors ser taħdem favur il-Partit Nazzjonalista. Jista’ jkun ukoll li l-pulizija tiġbor aktar evidenza li twassal biex tressaq aktar nies il-qorti. Anki jekk dan ma tantx jidher li ser ikun il-każ. Dan kollu mhux bilfors iwassal għal telf ta’ voti min-naħa tal-Partit Laburista. Jista’ jkun hemm ukoll il-possibilita’ li mhux se tkun faċli li Malta toħroġ mil-lista l-griża u jibdew anke jinħassu l-effetti fuq il-poplu ta’ din id-deċiżżjoni.

Hemm ukoll il-possibilita’ li Konrad Mizzi jiddeċiedi li jbattal l-istonku tiegħu u bi ftit kuraġġ jibda jikxef dak kollu li hemm mistur fl-Electrogas. Biss anki din hija remota ħafna. Il-mod kif xehed quddiem il-PAC juri l-ispirit kumbattiv tiegħu favur il-Partit Laburista.

Imbagħad jibqa l-fatt li nsiru nafu affarijiet ġodda fuq t-tliet sptarijiet li għaddew għand Steward. Dan grazzi għall-ħidma ta’ Adrian Delia.

Xorta ma naħsibx li xi waħda minn dawn l-eżiti tista’ tkun qawwija biżżejjed li taqleb il-miżien lejn il-Partit Nazzjonalista imma jkun hemm ċans tajjeb li almenu jonqos id-distakk. Biss xorta rridu niftakru li fl-2017, ebda allegazzjoni ta’ korruzzjoni ma kellha effett fuq ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali u jekk jerġa’ jiġri l-istess, allura r-rebħa għall-Partit Laburista tkun ħafna aktar sikura.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn għamlu dan l-istorbju kollu biex ikun hemm elezzjoni bikrija. Kważi nistgħu nikkonkludu li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kienet ċerta li l-elezzjoni kienet qrib. U bħala riżultat ta’ dawn l-aħbarijiet imxandra fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista, l-istess partit daħal f’kampanja elettorali.

Kienet ċara li l-kampanja kienet bdiet meta tara dawk il-konferenzi tal-aħbarijiet kollha mxandrin diretti. Kienet ovvja li l-Partit Nazzjonalista ried li jkollu l-ġurnalisti dejjem warajh biex ikun żgur li kien qed isemma’ leħnu ma kulħadd. Imma issa wara dik l-istraġi strateġika kollha x’se jagħmel il-Partit Nazzjonalista? Se jkollu jerġa’ jibda jaħseb l-istrateġija mill-ġdid. Se jkollu jerġa’ jingħaqad u jaħseb kif se jerġa’ jqajjem l-interess tal-poplu fl-istess partit?

Issa nispera li ma jiġrilux bħall-istorja tal-volpi u jerġa’ jsejjaħ għall-elezzjoni xi darba oħra għal xejn.

Leave a Reply