Żewġ awtogowls grassi mit-tim PN f’temp ta’ jumejn
Blog post minn Hermann Farrugia
L-ewwel awtogowl
Nhar it-Tnejn li għadda, l-1 ta’ Novembru ’21, ġiet imxandra diretta anke fuq TVM il-kommemorazzjoni taċ-ċentinarju mit-twaqqif tal-ewwel rappreżentanza legiżlativa f’Malta. Din iċ-ċerimonja seħħet fil-Kamra tar-Rappreżentanti fil-binja l-ġdida tal-Parlament tagħna.
Minħabba diffikultajiet logistiċi u kuntrarju għal dak li kien ġara għaxar snin ilu, meta konna fakkarna d-disgħin anniversarju, it-tifkira ta’ dan l-avveniment storiku ma setgħetx tinżamm fil-Kamra tal-Arazzi tal-Palazz Presidenzjali. Issa dakinhar, fejn seħħet iċ-ċirkustanza infeliċi tal-ewwel awtogowl, sewwasew mill-kamp Nazzjonalista stess.
Hawnhekk jinħtieg nagħmel preambolu qsajjar u infakkar fil-ġrajja tal-qtil barbaru-viljakk tal-wisq mibki Raymond Caruana li xahar ieħor, fil-5 ta’ Diċembru, jagħlaq 35 sena mill-inċident oxxen li kien seraqlu ħajtu intortament.
Mela ‘l pitgħada, jiġifieri filgħaxija tat-Tnejn 7 ta’ Diċembru 1986, fil-Parlament kien inżerta imissu jagħmel l-għaxar replika tiegħu tal-budget, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Eddie Fenech Adami. Kien proprju fil-bidu tad-dibattitu li kien stqarr formalment li suppost dak kellu jkun diskors fuq il-proposti tal-estimi ġenerali ’87. Hu kompla jispjega kif kellu l-intendiment juri kif lill-ħaddiem Malti, il-Gvern Soċjalista ta’ dak iż-żmien, kulma seta’ joffrilu kien il-loqom u kif ma’ seta’ qatt itaffilu l-għaks tal-qgħad li kien ġie direttament ikkaġunat mill-inċertezza politika li kienet ħakmet lil Malta u Għawdex sa’ mir-riżultat elettorali pervers tal-elezzjoni ta’ Diċembru’81. Iżda minflok, Eddie kien iddikkjara solennement li fiċ-ċirkustanzi prekarji u anke allarmanti li kien jinsab fihom in-nazzjon dik il-ħabta, il-budget kien safa’ kompletament irrilevanti għall-Poplu Malti.
Din l-istess xeħta ta’ raġunament strategiku u ta’ argumentar politiku nhar it-Tnejn li għadda tħajjar jużah u jagħmilha tiegħu l-kap tal-Oppożizzjoni sedenti Dr Bernard Grech. Fid-diskors kommemorattiv li ħejjewlu l-illustri sett riċerkaturi-strateġisti ġodda fjamanti li għażel huwa stess madwaru, Dr. Grech ipprova jgħaddi l-messaġġ li dak li kien jgħodd tabilhaqq illum ma kienx l-apprezzament tal-iżvilupp demokratiku parlamentari li kien seħħ mal-medda tal-aħħar mitt sena permezz tal-avvenimenti soċjo-politiċi li għadda minnhom il-pajjiż.
Donnu xtaq jinsinwa li fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum, dan kollu kien tabilħaqq irrilevenati. Minflok, b’mod pjuttost inopportun għas-serjeta’ tal-okkażjoni, huwa spiċċa reġa’ tenna diskors qares, b’aċċenn lamentattiv u saħansitra b’ton aggressiv, kważi partiġġjan għall-aħħar. Dan seta’ faċilment irriżervah għal seduta oħra fejn ikunu ser jiġu ttrattati l-estimi tal-uffiċċju tal-Prim Ministru. U t-tonalita’ użata ġeneralment aktar kienet postha f’xi indirizz ta’ xi mass meeting milli f’nofs dik li kellha tkun ċelebrazzjoni nazzjonali storika.
Ikunu x’ikunu l-fatturi griżi u drammatiċi li għaddejjin minnhom bħalissa, dan żgur li ma kienx il-lok għal dan il-lingwaġġ politiku profan u l-kap tal-Oppożizzjoni dil-ġimgħa sfortunatament wera kemm għadu ma mmaturax f’imġiebtu bħala politiku fil-kariga tal-istat li huwa jokkupa.
Din kienet opportunita’ ta’ sejħa ġenwina għat-twaqqif mill-ġdid ta’ moviment magħqud permezz ta’ djalogu Nazzjonali. Dan kien jikkorrispondi b’mod preċiż mal-kunċett li l-ewwel li kien ħareġ bih kien il-Partit Nazzjonalista fl-ewwel pagna tal-Programm Elettorali tal-Elezzjoni Ġenerali Mejju 1987. (Ara r-ritratt mehmuż)
Ħasra kif eluf ta’ Laburisti ġenwini u anke votanti ta’ bixra Nazzjonalista interpretaw dan l-atteggjament bħala wieħed pjuttost negattiv u diviżif u anke strategikament bħala opportunita’ pre-elettorali mitlufa. Xi whud għarfuh ukoll bħal speċi ta’ awtogowl politiku ċar kontra l-integrita’, l-interess u anke l-pożizzjoni delikata li jinsab fiha dal-mument il-Partit Nazzjonalista.
It-tieni awtogowl
Iżda dil-ġimgħa dan id-diżappunt ma kellux ikun biżżejjed. Ilbieraħ t’lura, fis-seduta mistennija tal-kumitat għall-iskrutinju tal-Kontijiet Pubbliċi (P.A.C.), min kien jgħidilna li kellna nassistu għal xenata pulċinelleska li minħabba nuqqas ta’ għerf, temperanza u maturita’ strateġika ssarrfet f’logħba medjatika burleska. Minflok (kif kien naturalment imbassar) ma rnexxielha tixpruna element ta’ gwadann f’appoġġ elettorali popolari għall-Partit Nazzjonalista, paradossalment fixklitu u s’issa potenzjalment tefgħetu lura wkoll.
Fl-ewwel sessjoni tal-lbieraħ, minflok ma’ seħħ il-grilling intensiv tax-xhud kif fl-aħħar ġie effettivament ikkonvenut, il-laqgħa sfaċċatament serviet bħala mezz ta’ smigħ intempestiv u tkattir produttiv ta’ propaganda Laburista. Farsa premeditata li tħalliet tiddiġenera minflok ma ġiet ikkontrollata minn ‘ras-il-għajn’ b’aktar reqqa u b’sens komun mit-tliet rappreżentanti tal-oppożizzjoni. Biss Biss, deher evidenti mill-bidunett kif dawn kellhom jaġixxu prekoċement hekk kif lemħu b’liema imponenza u preparazzjoni dettaljata (anke permezz ta’ file ta’ dokumentazzjoni mastiċċ) kien ippreżenta ruħu għas-seduta tant mistennija l-ex-ministru Konrad Mizzi. Il-kummenti denigrattivi u anke serje sħiħa ta’ insulti direttament mixħuta lejh sa’ minn kmieni ħafna waqt is-smigħ inevitabilment irritawh, u waqt li saħħnu l-qiegħa, dehru li kellhom effett strategiku kontraproduċenti għall-aħħar.
Tabilhaqq m’iniex sejjer ‘il bogħod meta ngħid li s’issa fl-ewwel half tal-partita, l-Oppożizzjoni irnexxielha issofri xejn anqas minn dawk li jistgħu jixxebbħu bħala żewġ awtogowls kiefra. Kompletament prevedibbli anke sewwasew kważi evitabbli għal kollox. Issa għat-tieni taqsima tal-logħba-palk inkwestjoni, kulħadd logikament jippretendi u jassumi reazzjoni sfiqa u ‘reparattiva’ min-naħa tat-tliet deputati Nazzjonalisti.
