Rosianne Cutajar terġa’ tidħol fil-logħba politika b’mod trionfanti grazzi għal Bernard Grech u l-kandidati abortisti tiegħu

Grazzi għall-Partit Nazzjonalista u l-istrateġisti tiegħu, Rosianne Cutajar reġgħet daħlet fil-politika Maltija b’mod trionfanti. Wara d-disfatta li sofra l-PN meta l-Kunsill tal-Ewropa falla milli jieħu pożizzjoni kontra tagħha, Emma Portelli Bonnici tellgħet post fejn qalet li qed tkun attakkat fil-Partit Nazzjonalist minn dawk li huma kontra l-abort.

Bħal ma wieħed jistenna, membri min-naħa tal-gvern, li huma favur l-abort, ħadu din l-okkazzjoni biex ħarġu jitkellmu favur Emma Portelli Bonnici. Fost dawk li ħarġu jitkellmu favur tagħha kien hemm Rosianne Cutajar u Owen Bonnici. Dak li qalu Cutajar u Bonnici spiċċa jingħata coverage minn Lovin Malta.

Nispera issa ma jiġux ta’ Repubblika u l-paladini ta’ Bernard Grech jgħidu li Emma Portelli Bonnici saret Laburista għaliex Cutajar u Bonnici qabżu għaliha. Infakkar li meta l-Labour uża din it-tattika u tkellem favur in-nies ta’ Adrian Delia, dawk ta’ Bernard Grech kienu ħarġu jgħajtu li dawn saru Laburisti u kienu f’alleanza mal-Lejber!

Bir-raġun, Lovin Malta ħarġet tgħid li Rosianne Cutajar iddefendiet lill-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Emma Portelli Bonnici. Kulħadd jaf li Cutajar għandha pożizzjoni pro-choice. Biss Rosianne Cutajar qegħda f’partit xellugi li normalment għandu din il-pożizzjoni, anki jekk il-Prim Ministru qal ċar u tond li hu kontra l-abort. Biss qegħda fil-post ġust. Il-problema hija li Emma Portelli Bonnici qegħda f’partit konservattiv ta’ ispirazzjoni Kattolika u li fl-istatut tiegħu għandu ċar u tond li ma jistax ikollu din il-pożizzjoni. Jekk Emma Portelli Bonnici tixtieq timmila favur l-abort għandha tagħmlu imma mhux fil-Partit Nazzjonalista u wisq aktar tiġi ppreżentat bħala super candidate.

Lovin Malta kkwotat dak li Rosianne Cutajar kitbet fuq Facebook, fejn qalet li hi tifhem sew minn x’hix jgħaddu nisa jew tfajliet fil-bidu tal-karriera politika tagħhom. Cutajar qalet li hi ilha tirċievi attakki għal dawn f’dan l-aħħar għaxar snin u ġiet mhedda ftit tal-ġranet ilu. Hija qalet lill-kandidata tal-Partit Nazzjonalista biex tibqa’ soda u fakkritha li kulħadd għandu dritt li jesprimi ruħu bil-liberta’ mingħajr ma jiġi attakkat fuq livell personali. Cutajar tkompli tgħid li d-dritt tal-espressjoni ħielsa ma tfissirx li għandek il-liberta’ li tumilja jew tinsolenta oħrajn. Kompliet tgħid li mhux bil-fors naqblu imma ma hemmx għalfejn nużaw lingwaġġ kattiv li jinċita l-mibgħeda. Kompliet tinkoraġġixxi lil Portelli Bonnici meta qaltilha li t-triq ‘l quddiem għan-nisa fil-politika Maltija hija iebsa imma trid tibqa’ b’saħħitha u trabbi qoxra ħoxna. Għandha tibqa’ titkellem fuq dak li temmen fih u ma tħalli lil ħadd jintimidha.

Fi kliem ieħor, b’mod intelliġenti, Rosianne Cutajar użat din l-istorja biex tfakkar, li meta hija bħala mara, ġiet attakkata, ħadd ma qabeż għalija inkluż l-istess Portelli Bonnici! Din turi l-ipokresija fil-politika Maltija lejn in-nisa.

Biss l-argument hawn għandu jibqa’ politiku. Kif qal tant tajjeb Dr. Hermann Farrugia f’post separat li ppubblikajt illum ukoll, il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel l-awtogowls. Dan hu awtogoal ieħor fi żmien ġimgħa tal-Partit Nazzjonalista.

Infakkar li sa ftit ilu Rosianne Cutajar kienet qed tkun allegatament akkużata li hija imdaħħla fil-korruzzjoni u sal-bieraħ kienet ġa magħmula fatta li kienet ser tkun iċċensurata mill-Parlament Eworpew. Ma’ ġietx iċċensurata minħabba awtogowl ieħor, din id-darba magħmul minn Jason Azzopardi, li fil-jum ta’ qabel instab ħati mill-ispeaker li gideb fuq Rosianne Cutajar!

Issa ġie awtogowl ieħor. Rosianne Cutajar mhux talli ma għadhiex omm il-korrotti Malti, talli issa, għall-media pro-choice li tappoġġja lil Bernard Grech, saret il-leħen tan-nisa u ta’ dawk li għandhom l-aġenda favur l-abort f’pajjiżna! B’astuzja politika brillanti, Cutajar reġgħet daħlet b’mod triunfanti fil-politika Maltija!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *