Jekk Franco Debono jgawdi l-fiduċja ta’ Bernard Grech għandu jitħalla jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li ġejja

Illum kien hemm artikli fil-media li wrew ċar li Franco Debono qed igawdi il-fiduċja ta’ Bernard Grech. Fil-media nsiru nafu li Franco Debono kien wieħed mit-tlieta li ġew nominati mill-Partit Nazzjonalista biex ikun iċ-Chairman tal-Awtorita’ tax-Xandir. Hu kien innominat bħala chairman.

Sfortunatament it-tliet nomini ma ġewx aċċettati mill-Prim Ministru Robert Abela. It-tnejn l-oħra kienu Maryanne Lauri u Raymond Zammit. Jidher li Dr Abela reġa’ ħalla lil Frank Farrugia, attwalment Chairman tal-Awtorita’, fil-pożizzjoni li ilu jservi fiha mis-sena 2019.

Franco Debono kien membru tal-Parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista mill-2008 sal-2013. Leġislatura li kellha għeluq ikrah, meta Franco Debono, kellu ħafna tilwiem ma’ Lawrence Gonzi, il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmienu u anki mal-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici. Franco Debono kien ukoll wieħed minn tlieta min-nies li ma tħallewx jikkontestaw l-elezzjoni tal-2013 f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Kemm ilu li laħaq Kap tal-Partit Bernard Grech, kemm-il darba qal li l-Partit Nazzjonalista lest li jaħdem anke ma’ dawk li kienu tbiegħdu mill-partit. Reġa’ rrepeta dan id-diskors f’dawn l-aħħar xhur meta kien mistoqsi speċifikament dwar Franco Debono. Dan l-aħħar Bernard Grech kien qal li hu kien qed jibgħat messaġġ lil kulħadd li hemm ħafna nies li telqu lill-Partit Nazzjonalista xi snin ilu, bħal Franco Debono. Dr Grech kompla jgħid li lest jesplora dawn ir-relazzjonijiet ma’ dawk li biddlu l-mod tagħhom ta’ kif iħarsu lejn il-Partit Nazzjonalista. Hu kien iddeskriva lil Franco Debono bħala persuna li għad fadlilha ħafna x’toffri.

Dan huwa kollu diskors sabiħ u konċiljattiv. Bernard Grech ħareġ l-id tal-kunsens billi nnomina lil Franco Debono għal pożizzjoni pubblika. Issa x’inhu jżommu milli jibgħat messaġġ li jmiss. Jekk għandu daqstant fiduċja f’Franco Debono, għaliex ma jinnominahx ħalli jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja?

Leave a Reply