Where your opinion counts

Konrad Mizzi irranġa għall-frisk lill-membri Nazzjonalista tal-PAC!

Blog post minn osservatur politiku

Jidher li anke l-gazzetta Lovin Malta ħarġet tgħid li Konrad Mizzi rnexxielu jegħleb lit-tliet membri tal-parlament Nazzjonalista. Huma kitbu li

Konrad Mizzi comes out swinging in pac meeting with long presentation and a few hysterical rants’.

Wara li ma deherx erba’ darbiet in fila, Konrad Mizzi poġġa quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi akkumpanjat minn żewġ avukati. Xorta rnexxielu jtawwal għal darba oħra milli jirrispondi l-mistoqsijiet mill-membri tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Kumitat. Konrad Mizzi stqarr fil-bidu tas-seduta li qabel jibda jirrispondi għall-mistoqsijiet, hu kellu dritt jagħmel sottomissjoni orali bħal ma jgħidu l-istess proċeduri ta’ dan il-kumitat parlamentari. Sa sagħtejn mill-ftuħ ta’ din is-seduta, Dr Konrad Mizzi kien għadu qed jagħmel il-preżentazzjoni tiegħu. 

Dr Konrad Mizzi kien ċar mill-bidu net meta qal li l-kordjalita’ u t-tonalita’ tiegħu se tirrifletti l-mod kif se jkun hu indirizzat mid-deputati tal-Partit Nazzjonalista preżenti fil-kumitat. Dak li ġara wara kien kważi sagħtejn fejn, Mizzi reġa’ rrakkonta dak li rnexxielu jwettaq il-Gvern Laburista fis-settur tal-enerġija. Dan kien imżewwaq ma’ ħafna mumenti ta’ għajjat isteriku bejn Dr Mizzi mid-deputati tal-Partit Nazzjonalista.

Mizzi elenka dak kollu li kien jikkonċerna lill-poplu qabel l-2013 dwar it-tariffi għoljin tal-elettriku u l-impatt li kellu fuq il-familji u l-business. Imma sfortunatament ir-realta’ kienet li segwejna mumenti twal li ddeġeneraw b’tali mod li saret qisu kuntest ta’ għajjat.

F’ħin minnhom Dr Mizzi qal li l-kambjamenti li saru għamilnihom aħna, ‘we’. Dr Fenech Adami staqsa minn huma ‘aħna’. Dr Mizzi rrefera għall-Gvern imma Dr Fenech Adami ma deherx kuntent u staqsa jekk Keith Schembri kienx parti mill-‘we’.

Kellu jintervjeni wieħed mill-avukati ta’ Dr Mizzi. Dan qal li l-klient tiegħu kellu dritt jagħmel il-preżentazzjoni imbagħad jirrispondi l-mistoqsijiet kollha. Waqt dawk il-battibekki b’leħen għoli stajna nisimgħu lil Dr Mizzi jistaqsi lit-tliet membri preżenti tal-Partit Nazzjonalista, ‘meta narakom hawn quddiemi nistaqsi, x’qatt għamiltu intom għall-poplu Malti? Wieħed, tnejn, tlieta f’daqqa, x’qatt għamiltu?’ Saħansitra indirizza lil Dr Fenech Adami bħala ‘your royal highness’.

Anke t-tul tal-preżentazzjoni ġiet fid-dubju, meta Dr Karol Aquilina qal li skond ruling ta’ l-iSpeaker preżentazzjoni ta’ xhud ma għandiex iddum iżjed minn 10 minuti. B’Dr Konrad Mizzi jirrispondi li mhux meta tagħmel preżentazzjoni orali. Dr Mizzi xegħla lid-deputati tal-Partit Nazzjonalista li qed jippruvaw jiċċensurawh.

Laqgħat ta’ kumitat li jaslu għal dawn il-livelli baxxi, ma jista’ joħroġ xejn ta’ ġid minnhom. Fil-fatt preżentazzjoni li setgħet ħadet numru żgħir ta’ minuti tawlet kważi sagħtejn u b’dana kollu ma tgħallimna xejn minn dak li nixtiequ nisimgħu. Kieku ma kienx hemm dawk il-battibekki banali li rajna, din il-preżentazzjoni għaddiet u bdejna nsegwu lix-xhud jirrispondi l-mistoqsijiet tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista li ilhom jgħidu li għandhom mijiet ta’ mistoqsijiet x’jistaqsu.

One thought on “Konrad Mizzi irranġa għall-frisk lill-membri Nazzjonalista tal-PAC!

Leave a Reply to qurdina Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *