Il-Partit Nazzjonalista għandu jibdel it-tliet membri tiegħu fuq il-PAC

It-tfettiq ta’ Beppe Fenech Adami ħadem totalment kontrih u kontra l-istess Partit Nazzjonalista. Il-bieraħ ħareġ ċar li Beppe Fenech Adami ma kienx kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu allavolja forsi provokat. Minflok ħalla lil Konrad Mizzi jagħmel il-preżentazzjoni tiegħu u staqsih dak li għandu jistaqsih wara li beda il-ħin kollu jinterrompih.

Bħat-tfal żghar, ried jipprova jerbaħ punti politiċi mill-ewwel, bir-riżultat li mar minn taħt hu. Beppe Fenech Adami anki nesa li issa kellu quddiemu deputat indipendenti, imkeċċi mill-partit tiegħu stess u konsidrat bħala persuna li allegatament ħa ħafna deċiżjonijiet ħżiena.

Minflok, Konrad Mizzi dawwarha bl-għajnuna ta’ Beppe Fenech u sħabu f’dibattitu bejn il-Partit Laburista u dak Nazzjonalista. Din lagħbet fl-interess ta’ l-istess Konrad Mizzi għaliex ħareġ mal-Laburisti bħala d-difensur tal-partit tagħhom stess.

Ma nafx wara l-bieraħ, kemm id-deputati Nazzjonalisti għadhom jew ser jkollhom ċans li jsallbu lil Mizzi bil-mistoqsijiet tagħhom. Għaliex Mizzi ħa juża dawn il-mistoqsijiet biex jidher bħala t-tarka tal-Laburisti li bħal issa, hemm ħafna rrabbjati għall-istess partit.

Dak li ġara l-bieraħ kien prodott ta’ deputati Nazzjonalisti bla strateġija li riedu jgħaġġlu u jaħtfu dak li jistgħu. Beppe Fenech Adami ma felaħx jarah jgħaddihom passata. Ried jirribatti mill-ewwel u spiċċa tilef mhux biss il-ġlieda imma l-gwerra kollha. Tant hu hekk li minn preżentazzjoni li kellha tkun massimu ta’ għaxar minuti – għaliex jidher li hemm ruling tal-ispeaker f’dan is-sens – spiċċat ħadet sagħtejn. Dan żgur mhux tort ta’ Mizzi, imma hu tort żgur taċ-chairman ta’ dan il-kumitat.

X’kien ir-riżultat? Spiċċaw lanqas kienu kapaċi jiddeċiedu meta se jerġgħu jressquh quddiem il-kumitat u ħallew id-deċiżżjoni għal aktar tard.

Ħalli nifthemu biex kollox ikun ċar. Dan kien waħdu kontra tliet deputati tal-Partit Nazzjonalista. Qed ngħid dan għax għalkemm kellu żewġ avukati miegħu, wieħed minnhom biss fetaħ ħalqu u kull ma qal kien biex iħallu lil Konrad Mizzi jispiċċa l-preżentazzjoni tiegħu u jsaqsuh li jridu wara. Biss kienu wkoll żewġ avukati li jitkellmu biss bil-preżenza tagħhom minħabba l-kuntatti li għandhom u l-istejjer li jafu.

B’hekk kien inutli li Beppe Fenech Adami joqgħod jgħid lil Konrad Mizzi xi ħaġa li jafha kulħadd meta qallu “Int anke sħabek ramewk, m’intix se terġa tikkontesta l-elezzjoni”. U għalkemm qallu hekk Konrad Mizzi kien pront wieġbu u għalaqlu ħalqu meta qallu, “imma xorta Labour se nivvota biex inkun ċert li inti Beppe u sħabek tibqgħu fl-Oppożizzjoni”. Kienet tweġiba li daħlet lil Konrad Mizzi fil-logħba politika.

Quddiem din it-tweġiba, Beppe Fenech Adami kellu jibla kliemu u joqgħod jixtarr dak li qallu Konrad Mizzi. Kien kollu paroli fil-vojt dak li prova jagħmel Beppe Fenech Adami għax kellu bniedem li wera mill-bidu li mhux se jiddejjaq jwieġeb.

Biex inkunu għidna kollox, Konrad Mizzi ma kellux x’jitlef. Imma Beppe Fenech Adami kellu ħafna x’jitlef. Għandi suspett li Beppe Fenech Adami tilef ħafna f’dik il-laqgħa tal-Kumitat li suppost kien qed imexxi.

Il-fatt li Beppe Fenech Adami ma kienx kapaċi jrażżan ilsienu rriflettit fuq l-attitudni ta’ arroganza li għandhom ċertu membri tal-Partit Nazzjonalista u li huwa assoċjat magħhom. Tassew joqgħodilhom il-qawl ingliż li ‘if you can’t stand the heat get out of the kitchen’.

Fl-opinjoni umli tiegħi t-tliet rappreżentanti Nazzjonalisti li qiegħdin f’dan il-kumitat għandhom jinbidlu ma’ tlieta oħra. Ir-raġuni hija li fl-ewwel laqgħa li kellhom max-xhud Konrad Mizzi tant ħarġu ta’ vavi li se jkun diffiċli biex jirkupraw mit-tbeżbiża li qalgħu minn għand l-istess Konrad Mizzi.

Il-problema se tibqa’ li sentimenti bħal ma esprimew it-tliet rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fis-seduta tal-PAC se tkun waħda mir-raġunijiet prinċipali li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ fl-Oppożizzjoni għal ħames snin twal oħra. Dawn it-tliet għorrief taw rendikont ikrah tagħhom infushom u sfortunatament tal-Partit Nazzjonalista kollu, għax wara dak li rajna, kull Laburist se jerġa’ jaħsibha darbtejn għandux jitlaq lill-Partit Laburista u jivvota differenti, anki jekk illum jinsab irrabbjat mal-partit tiegħu stess.

Grazzi għall-arroganza enormi li wrew dawn it-tliet deputati, dawk in-nies li vvutaw Labour fl-2017 u kellhom xi ħsieb li jaqilbu l-vot, issa jitwerwru jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista u bidlu fhemthom.

One comment

Leave a Reply