Għaliex weħel il-Partit Nazzjonalista bid-diċerija ta’ elezzjoni bikrija?

Dr Bernard Grech qalilna li l-Prim Ministru, Dr Robert Abela ma sejjaħx elezzjoni bikrija għaliex tkellem hu fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra u dan ġagħal lil Prim Ministru jibdel il-ħsieb. Toħroġ ċara li Dr Bernard Grech kien ċert li l-elezzjoni kienet se tissejjaħ. Fuq dan il-punt naqbel miegħu. Imma li l-Prim Ministru biddel fehmtu minħabba fih hija xi ħaġa li żgur politikament mhux minnha.

B’hekk messaġġ bħal dan ikompli jsaħħaħ l-ispekulazzjoni li xxerrdet mill-istess media Nazzjonalista meta f’Awwissu li għadda ġie rrappurtat li l-kap tal-Oppożizzjoni qal b’assertivita’ li l-elezzjoni kienet għal Novembru. Allura tikkonkludi li meta tħares lejn din l-istorja minn dan l-angolu, għamel ħażin il-kap tal-Oppożizzjoni li tkellem kif tkellem f’għeluq il-ġimgħa, u qal li l-Prim Ministru biddel id-deċiżżjoni tiegħu minħabba fih.

Qed ngħid dan għaliex kif tista’ taċċetta li l-media tal-Partit Nazzjonalista tkun ilha ‘l fuq minn xahrejn tisħaq li l-elezzjoni għal Novembru u kellu jkun l-istess kap tal-istess partit li kellu jkun hu li jibdel id-deċiżżjoni ta’ elezzjoni bikrija. Kellu aktar raġunijiet qawwija xi jġib il-Kap tal-Oppożizzjoni biex juri li verament kienet ser issir elezzjoni fosthom il-fatt li kienu bdew jintbagħtu rappreżentati tal-kummissjoni elettorali biex jispezzjonaw l-iskejjel jew li kien hemm drive qawwija mill-ministri tal-istess gvern, iċemplu lill-kostitwenti u jistaqsuhom jekk għandhomx bżonn xi ħaġa.

It-Tnejn tal-ġimgħa l-oħra, il-Prim Ministru faqa’ l-bużżieqa li hu stess ikkrea u qal li huwa dejjem sostna li l-elezzjoni tiġi meta tkun ta’ ġid għan-nazzjon. Huwa esprima li mhux fl-interess nazzjonali li ssir elezzjoni din is-sena u allura din l-elezzjoni se ssir fis-sena li kienet skedata li ssir. B’hekk il-Prim Ministru qatel l-ispekulazzjonijiet kollha li hu stess ikkrea u li l-Partit Nazzjonalista spiċċa jagħtiha anki spin.

Wieħed hawn jistaqsi jekk il-Prim Ministru kienx qed jistenna din il-pantominja tal-pubblikazzjoni taċ-chats u għalhekk ma għajjatx din l-elezzjoni kif kien maħsub. Fi kliem ieħor ma ridx li jinqabad bihom f’nofs kampanja elettorali? Il-fatt li ħerġin issa żgur li ser jgħinuh għaliex għandu ċ-ċans li jipprova jmewwithom.

Dawn id-diċeriji mxerrda dwar l-elezzjoni, l-uniku riżultat li wettqu kien li ħolqu nċertezza fil-pajjiż li żgur il-pajjiż ma kellux bżonnhom. Fuq dan missu għafas il-Partit Nazzjonalista. Din l-ispekulazzjoni ħolqot affarijiet naturali li jiġu meta tissejjaħ elezzjoni u dak li ġara anke din id-darba meta l-Partit Nazzjonalista ħareġ bil-possibilita’ ta’ din ir-realta’. Kulħadd konxju li l-ekonomija dejjem tbati meta ikun hemm xnieha ta’ elezzjoni bikrija kif ukoll minħabba l-kampanja elettorali.

Nifhem li l-Partit Nazzjonalista pprova jdawwar il-kanuni fuq il-Prim Ministru u jakkużah li dam ma qal li mhux ser issir l-elezzjoni din is-sena. Biss din hija attitudni politika ħażina. Jeħtieġ li l-Partit Nazzjonalista jibdel l-attitudni tiegħu jekk irid jidher bħala partit li jista’ jiggverna.

Ara x’ġara. Kif appena l-Prim Ministru qal li l-elezzjoni mhux għal din is-sena, l-ilħna tas-sostenituri u esponenti tal-Partit Nazzjonalista f’Tal Pieta’ nħanqu u ma felħux jitkellmu iżjed għax indunaw li dak li ppruvaw jagħmlu marrilhom żmerċ waħda sew u spiċċa weħel l-istess Partit Nazzjonalista li mexxa diċerija meta fil-verita’ kien l-istess Partit Laburista li ħoloqha.

One comment

  1. Skuzi ta…. imma din l-ispekulazzjoni ħoloqha il PN … anzi Bernard stess meta mil l-ewwel gurnat li lahaq beda jhanbaq “Bring it on”. Dan kien qed jirreferi ghal Elezjoni,

Leave a Reply