Robert Abela jibża’ mill-familja Caruana Galiza u qed jipprova jilgħaqha
Lovin Malta tatna biċċa news li ftit li xejn kont qed nistenniha. Qaltilna li l-Prim Ministru ta’ pajjiżna kien f’dawn l-aħħar xhur qed jaħdem fuq l-abbozz ta’ liġi kontra is-‘SLAPP’. Għal dan il-għan talab lill-Għaqda tal-Ġurnalisti Maltin u anki lill-familja ta’ Caruana Galizia għall-għajnuna u għall-vizzjoni tagħhom ta’ kif tista’ tingħata aktar protezzjoni lill-ġurnalisti. Dan qalu Robert Abela meta kien qed jwieġeb mistoqsija parlamentari.
Il-Prim Ministru hu rrappurtat li qal li l-konsultazzjoni hija fi stat avanzat u qed jaħseb li dalwaqt se jiġi miktub l-abbozz tal-liġi. Qal ukoll li qed issir konsultazzjoni ma’ istituzzjonijiet internazzjonali. Kien ikun aħjar kieku qalilna min huma dawn l-istituzzjonijiet li qiegħed jagħmel konsulta magħhom.
Mhux ser nikkummenta dwar l-istitut tal-ġurnalisti Maltin, biss ma nistax ma nikkumentax li l-Prim Ministru qed jikkonsulta mal-familja Caruana Galizia. Hawn għandi d-dubji tiegħi. Ħafna għandhom l-istess dubji bħali.
Għaliex għandha tidħol fl-istorja din il-familja partikulari? Ma jafx il-Prim Ministru li talli jien ippubblikajt artiklu fejn kull ma għidt kien li ġew ippubblikati aktar recordings ta’ Melvin Theuma fuq Reddit, dawn għamlu rikors permezz ta’ Jason Azzopardi biex jgħalquli ħalqi u l-maġistrata, Rachel Montebello, sabet prima facie, li għandhom raġun u llum qiegħed għaddej minn proċeduri legali? Anzi qalu li verosimilment min jippubblika dawk l-affarijiet hu alleat tal-kriminalita’ organiżżata. Il-maġistrata Montebello tat lil din il-familja raġun. Infakkar, li meta qal l-istess affarijiet jew affarijiet simili Manuel Delia fil-konfront ta’ Raphael Vassallo, din id-darba, l-istess maġistrata, ma sabitux ħati lil Manuel Delia ta’ malafama!
Il-mistoqsija tiġi waħidha. Hu sew li familja li ppruvat tagħlaqli ħalqi minħabba dak li qed nikteb tingħata trattament preferenzjali mill-Prim Ministru dwar liġi li ttratta l-liberta’ tal-espressjoni? Fuq kollox din hija familja li ordnat li jkun destrutta l-hard drive b’ħafna evidenza ta’ natura importanti li tista’ tikkundanna jew tillibera persuna mill-akkużi li għandu quddiemu. Infakkar lill-Prim Ministru, li Matthew Caruana Galizia, li nassumi li ġie kkunsultat, ta’ verzjonijiet differenti għala ħalla l-karozza barra dan in-nhar, meta qatt ma kien ħallieha barra. Fuq kollox, l-anqas għadu ma hu ċar il-mottiv għala Daphne nqatlet, għaliex il-veru mottiv, li kien jinsab fil-hard drive tal-computer, ġie meqrud fuq ordni tal-istess familja Caruana Galizia. Dak li nista’ nikkonkludi huwa li l-Prim Ministru jew l-awtoritajiet Maltin qed jibżgħu mill-membri tal-familja Caruana Galizia.
Fuq kollox, la ġew konsultati dawn in-nies, għaliex ma ġewx konsultati oħrajn li wkoll għandhom kawżi marbuta mal-liberta’ tal-espressjoni fil-konfront tagħhom? Huwa nġust li qed tiġi konsultata din il-familja u min għandu wkoll kawża bħal ma kellha Daphne Caruana Galizia ma hux qed jiġi kkonsultat.
Il-Prim Ministru qalilna wkoll li b’dan l-istudju, il-Gvern se jkun f’pożizzjoni biex jimplimenta aktar riformi biex isaħħaħ il-professjoni tal-ġurnaliżmu, xi ħaġa li qatt ma saret qabel. Nispera li ma jiġrix kif ġara fil-liġi preċendenti tal-libell. Lil poplu qalulu li saret ċivili. Imbagħad titla’ l-qorti u bħala ma huma l-kawżi ta’ disprezz, il-maġistrata tgħidlek bir-raġun li din hija ċivili imma bil-konsegwenzi kriminali. Mela aħjar baqa’ kollox kif kienet!
B’hekk meta jsiru diskussjonijiet jew konsultazzjonijiet, il-prim ministru għandu jikkunsulta lil kulħadd li qed jaħdem f’dan il-qasam u mhux lil xi erba’ għax jibża’ minnhom li ma jmorrux jagħmlulu xi protesta quddiem Kastilja. Ebda familja ma għandha xi dritt divin iktar minn familji oħra. Il-Prim Ministru qed jagħmel żball li kkreja diviżżjoni qalb dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-ġurnaliżmu.