Raġunijiet għala l-Prim Ministru ma għajjatx elezzjoni kmieni: negozjant mill-Belt jirringrazzjah talli qata’ kull sens ta’ inċertezza

Hawn xi ħadd jaħseb li l-partitarji tal-Partit Laburista jieħdu gost li l-gvern, allura l-partit tagħhom, jitlef sena mit-tmexxija tal-pajjiż kull ħames snin? Veru li jistgħu jgħidu li fl-2017 rebħu b’mod qawwi imma xorta tilfu sena. U x’kienu jgħidu issa kieku l-mexxej tal-partit tagħhom reġa’ sejjaħ elezzjoni sena qabel? Ix-xejra hija ċara li jistgħu jerġgħu jerbħu, imma taħsbu li l-Laburisti jieħdu pjaċir li jitilfu għoxrin fil-mija tat-tmexxija tal-pajjiż? Taħsbu li s-sostenituri tal-Partit Laburista japprezzaw li biex jerbħu jitilfu sena kull leġislatura?

Il-Prim Ministru kien konxju minn dawn l-affarijiet kollha. U naħseb li din kienet waħda mir-raġunijiet għala biddel fhemtu u ma għajjatx elezzjoni fl-aħħar ta’ Novembru. U għalhekk meta kien il-waqt il-Prim Ministru, qatel id-diċeriji li kien ikkrea huwa stess bl-għajnuna tal-Partit fl-Oppożizzjoni li kien se jkun hemm elezzjoni bikrija. Għall-partitarji Laburisti, żgur li ma kienx ser ikun ta’ pjaċir għalihom li jaraw il-partit tagħhom jerġa’ jaqta’ l-leġislatura li kien fiha fil-qasir: waħda wara 22 xahar u l-oħra wara 4 snin.

Fuq kollox, hemm fatt ieħor. Hu magħruf li missier Robert Abela, jiġifieri George Abela huwa kontra l-fatt li tissejjaħ elezzjoni kmieni. George Abela kien kontra li tissejjaħ elezzjoni kmieni fl-1998. F’dik il-ħabta, George Abela, kien argumenta li l-gvern għandu jagħmel it-terminu kollu tiegħu. Dan illum hu fatt storiku. B’hekk jidher li kien hemm l-influwenza ta’ dak li ġara fl-1998 wara din id-deċizzjoni li ma tissejjaħx elezzjoni kmieni.

Għalhekk Robert Abela, li kieku veru sejjaħ elezzjoni bikrija, kien se jkollu ħafna kummenti negattivi li reġa’ imita lil ta’ qablu. Naħseb li din kienet raġuni oħra għala Robert Abela ma sejjaħx elezzjoni bikrija. Irid anki juri b’mod ċar li hemm qtugħ nett mit-tmexxija ta’ Joseph Muscat.

Fl-2017 Joseph Muscat kellu diversi problemi kontra tiegħu, fosthom il-Panama papers. Għalhekk kien sejjaħ elezzjoni bikrija u għamilha biex jitfa’ wara spallejh l-inkwiet kollu li kien qed jikkumbatti dak iż-żmien. Ħalliha li għarralu għal kollox għax l-inkwiet ma naqasx. U ħalliha wkoll li r-riżultat tal-2017 ħalla skantati anke lil-Laburisti stess għax ħadd ma kien qed jistenna distakk bħal dak. Imma forsi r-raġuni prinċipali kienet li l-Maltin u l-Għawdxin ma rawx il-kaolazzjoni ta’ Simon Busuttil ma’ Marlene Farrugia waħda b’saħħitha jew idonea, biex jafdawlhom il-gvern. Biss imbagħad seħħ ukoll il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li tellef kull vantaġġ li setgħet ġabet din ir-rebħa għal Muscat.

Raġuni oħra li persważ li l-Prim Ministru Robert Abela kkonsidra meta ddeċieda li ma ssirx l-elezzjoni din is-sena kienet l-avviċinanza tal-festi tal-Milied li żgur kienet raġuni valida biżżejjed biex ma jnaqqasx mill-possibilita’ li tista’ ddur ir-rota ekonomika iżjed madwar il-Milied. Żgur li l-komunita’ tal-business ma kienetx se tieħu pjaċir li jitħarbat il-perjodu tal-Milied wara li għamlu kważi sentejn batuti minħabba l-pandemija.

F’dan is-sens, kien hemm anki blog fuq dan is-sit minn persuna li taħdem fin-negozju ġewwa l-belt Valletta. Nixtieq infakkar li l-Prim Ministru ħareġ jgħid li mhux ser jgħajjat elezzjoni ftit wara l-pubblikazzjoni ta’ dan il-blog. Permezz ta’ dan il-blog, dan in-negozjant li jrid jibqa’ fl-anonimat bagħatli messaġġ u talabni biex f’ismu nirringrazzja lill-Prim Ministru talli sema’ mill-messaġġ li bagħat u qata’ kull inċertezza li dawn id-diċeriji bdew jikkreaw.

2 comments

  1. Dwar punt wieħed biss nixtieq nikkummenta minn dan il-blog tiegħek Dr Mercieca. Assumejt bħala fatt li l-Prim Ministru kien ‘iddeċieda’ li jagħmel elezzjoni bikrija. Dan qatt ma indikah il-Prim, kienet biss l-oppożizzjoni li ħambqet fuq li ħambqet li se ssir elezzjoni qabel żmienha u ħadd iżjed u jidher li int blajt il-lixka Dott li mhux normali għalik. Insellimlek u prosit tall-kummenti bilanċjati tiegħek minkejja li mhux dejjem naqbel magħhom

Leave a Reply