L-ispin ta’ elezzjoni bikrija

Blog post minn osservatur politiku

Fil-Malti nsibu l-qawl li jgħid ‘tobżoq fis-sema, jiġi f’wiċċek’. Hekk inħoss li għamel il-Partit Nazzjonalista bl-istorbju kollu li għamel dwar l-elezzjoni bikrija. Żgur li ma jistax jipponta jdejh lejn il-Partit Laburista għax l-argument tal-elezzjoni bikrija ħoloqha waħdu mingħajr l-indħil ta’ ħadd. Kienet biċċa xogħol tiegħu mill-a saż-żeta. Anzi kien hu li tant daħħal dubji li ġibed miegħu djar tal-aħbarijiet oħra. Tant kien assertiv fil-kitba u l-kliem tiegħu li kważi ħafna djar tal-aħbarijiet emmnu dik li llum insejħulha diċerija.

Jekk elezzjoni bikrija kienetx fil-ħsieb tal-Prim Ministru jew le, hija xi ħaġa li nistgħu noqgħodu nispekulaw fuqha, għax jekk ma jammetihiex Dr Abela ħadd ma jista’ jkun jafha. Din ma kienetx kitba ta’ darba imma kienet sensiela ta’ artikli li tferrxu fuq ġimgħat.

Nistgħu nħarsu lejn dik l-aħbar bħala spin qawwi li l-Partit Nazzjonalista ħareġ biha u kulħadd jista’ jgħid li kienet tidher għalfejn sar hekk. Donnhom kienu jafu li l-Gvern se joħroġ b’budget tajjeb, budget soċjali mfaħħar minn kulħadd. Tant riedu jagħtu spin qawwija li l-Partit Nazzjonalista saħansitra xandar id-data ta’ meta se tkun l-elezzjoni ġenerali. Aħbar bħal dik tqanqal ħafna kurżita għax tolqot il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Kien hemm ħsieb ċar warajha għax il-Partit Nazzjonalista kien jaf, u jekk ma kienx jaf seta jissoponi, li l-budget kien ser ikun tajjeb. Allura bi strateġija maħsuba tefgħu din l-ispin biex il-poplu jikkonċentra fuq l-elezzjoni u mhux fuq il-budget li kien se jixxandar ftit ġimgħat wara li ħarġet l-ewwel aħbar dwar l-elezzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista kien jaf li l-Gvern kien se jibda jwettaq il-ġid wara tmintax-il xahar ta’ pandemija. Deher li l-Gvern kien qed jirkupra ftit ftit mill-effetti tal-Covid u meta l-Partit Nazzjonalista raw dan l-isvilupp ħarġu bi spin ta’ elezzjoni bikrija biex kemm jista’ jkun jbiegħdu d-diskussjoni minn fuq l-effetti pożittivi tal-budget u tal-irkupru.

Il-Partit Nazzjonalista ma naħsibx li ta’ importanza li għalkemm se jipprova jiżvija lill-poplu, kien se jkun l-istess poplu li jakkwista mill-ġid li kien għaddej u li kien se jitqassam fil-budget. Nispera li l-Partit Nazzjonalista tgħallem il-lezzjoni li l-politika tal-biża’ u l-qtiegħ il-qalb ma takkwistalekx voti. Deheret ċara wkoll il-ħerqa li forsi jekk tiġi l-elezzjoni malajr, il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jiggranfa mal-poter fl-aqsar żmien possibbli.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *