Fil-Parlament mhux qed jikbru fjuri

Blog post minn Dr. Hermann Farrugia

Il-bieraħ l-1 ta’ Novembru’21, kellna l-kommemorazzjoni ċentinarja mit-twaqqif tal-ewwel rappreżentanza leġiżlativa f’pajjiżna. Ma stajtx ma niftakarx, fost il-memorji li għandi ta’ din l-istituzzjoni, id-diskorsi li kienu jsiru bħal dan iż-żmien fil-Parlament Malti minn Dom Mintoff.

Għal ħafna, Mintoff kien ix-‘xemx’ u is-‘Salvatur ta’ Malta’. Għalija dan kien iż-żmien meta fil-Parlament Malti kienu jiġu ppreżentati l-estimi tal-budget. F’dik il-ħabta, il-budget kien jitħalla għall-aħħar tax-xahar ta’ Novembru,bit-teatrini jibqgħu sejrin sa Diċembru… donnhom b’intendiment ċar biex jikkoinċidu mal-Festa tal-Kunċizzjoni u l-anniversarju tar-Repubblika. Saħansitra kienu jilħqu jiġġebbdu u jwasslu sa’ lejn nofs in-novena tal-Milied.

U ħasra kif il-bierah ħadd ‘minnhom’ (allura inkluż il-kap tal-Opposizzjoni sedenti nnifsu) ma rnexxilu jitnebbaħ mill-istorja kollettiva, jekk mhux ukoll minn sfond tal-memorja personali tat-tfulithom tal-Parlament Malti? Jewwilla ġiehom ftit kuraġġ ifakkru kif, tant spiss, tul il-medda tad-deċennji, din l-istess illustri ‘kamra’ kienet u għadha opportunistikament tintuża bħala ‘palk’. Sabiex, filwaqt li ‘huma’ ifittxu jisqu l-‘ħrejjef’ lill-popolin, jittantaw jirreċitaw u jimpressjonaw. Insomma, meta kien u għadu jidhrilhom, jispiċċaw ‘jilgħabu’ għall-gallerija.

U bilħaqq, il-bieraħ kif ħadd ma lissen kif ‘xi whud’ sa rnexxielhom (kif għadhom sal-lum il-ġurnata) jirriduċu l-‘kamra’ għal sempliċi stat ‘burdellesk’. Lok manju-maestuż li fih (kif darba waħda kien ġie deskritt mill-iprem minn fost l-għorriefa tagħna l- Maltin) qajla għadu ifeġġ jew jisponta ‘ward’ ikkulurit u fewwieħi!

Leave a Reply