Il-Kap tal-Oppożizzjoni kellu jevita jagħmel diskorsi mimli rabja waqt serata’ kommemorattiva.

Illum, 1 ta’ Novembru, il-Parlament Malti għamel seduta speċjali biex jikkommemora l-mitt sena mil-ftuħ uffiċjali tal-ewwel parlament f’pajjiżna. Seduta li attendew għaliha anke speakers preċedenti, ex-membri parlamentari u mistiedna distinti. Kelliema kienu l-ex-speaker Miriam Spiteri Debono, il-Leader of the House u Viċi-Prim Ministru Mr Chris Fearne, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech u l-iSpeaker tal-Kamra Dr Angelo Farrugia.

Smajna diskors storiku mill-ex-speaker, l-ewwel u l-uniku speaker mara tal-Parlament Malti. Diskors mimli informazzjoni li terraq mal-istorja tal-parlament matul dawn l-aħħar 100 sena. Wara tkellem Mr. Fearne li wkoll għamel referenzi għal nies li kienu tant influwenti fl-istorja tal-Parlament.

Biss imbagħad kellna diskors mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Veru kien qal li meta toqorsu jsir iljun imma illum mhux biss sar iljun imma sar iljun li rifsulu l-kallu. Id-diskors ta’ Dr Bernard Grech ma kienx f’postu. Min-naħa tal-Gvern tkellem the Leader of the House li jpoġġi fuq il-kumitat tal-parlament dwar ix-xogħol tal-kamra.

Mela l-Kap tal-Oppożizzjoni missu ċeda d-diskors tiegħu lil min jippreżenta l-Oppożizzjoni f’dan l-istess kumitat. Allura d-diskors missu sar mill-Viċi-Kap David Agius. Żgur li ħadd ma kien qed jistenna diskors ta’ rabja f’seduta ta’ kommemorazzjoni ta’ storja sabiħa u importanti ta’ pajjiżna. Kellu ħafna fuq xix jiftaħar il-Partit Nazzjonalista dwar din l-istorja tat-twaqqif tal-parlament, inkluż kif oriġina dan kollu minn ħassieba “Nazzjonalisti” u marbuta mar-risorġiment taljan u riċerka biex isibu l-orġini tad-dritt li Malta jkollha assemblea li storikament irnexxilhom jeħduha – b’mod korrett – lura saħansitra lejn il-perjodu Għarbi.

Għalhekk qed ngħid li ma kienx il-waqt li jqum membru tal-Parlament u jagħmel diskors b’tonalita ta’ għajjat u ta’ feroċja. Kien kollu żejjed li biex jagħmel il-punti tiegħu għolla leħnu.

L-argumenti f’seduta kommemorattiva misshom intgħamlu mingħajr rabja u mingħajr għajjat. Lanqas kien f’waqtu li juża okkażżjoni ta’ mitt sena storja biex jarma jattakka deputati u ex-deputati tal-parlament tal-lum u tal-bieraħ. Ma kienx il-ħin li jaqa’ f’dak il-livell ta’ attakki sfrenati kontra membri tal-parlament. Dan kien diskors li seta’ sar f’okkazzjoni oħra u mhux tħalla għall-okkazzjoni bħal din.

Drajna lil Dr Bernard Grech jgħajjat, kull darba li jiftaħ ħalqu fil-Parlament, imma llum sgarra waħda sew u ħareġ ir-rabja li għandu għal ċertu nies. Biss irid jiftakar li bir-rabja ma jakkwistax riżultati. Diskorsi bħal dawn, okkazzjoni ta’ kommemorazzjoni la kien f’postu, la kien f’waqtu u lanqas ma kienet aċċettabbli. Missu tgħallem mill-predeċessuri tiegħu, kif ġabu ruħhom fil-Parlament, waqt seduti speċjali u kienu kapaċi jużaw it-tonalita’ addattata għall-okkażżjoni li tkun.

Tonalita’ ta’ rabja għandha l-ispazju tagħha fil-Parlament imma żgur din ma kienx f’dan il-waqt ta’ tfakkira speċjali.

One thought on “Il-Kap tal-Oppożizzjoni kellu jevita jagħmel diskorsi mimli rabja waqt serata’ kommemorattiva.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *