Ħarsa lejn il-kontroversja li ħoloq l-ktieb ta’ Mark Camilleri u dak li hemm warajha

Il-bieraħ kien hemm artiklu fil-Malta Today dwar il-ktieb ta’ Mark Camilleri fejn b’mod korrett intqal li taqbel jew ma taqbilx ma’ Mark Camilleri, l-awtur tal-ktieb ‘A Rentseeker’s Paradise’, trid bil-fors tgħid li dan l-awtur li wera kuraġġ li jikteb fuq affarijiet li ma tantx għandna min kiteb fuqhom. Fil-ktieb tiegħu nsibu argumenti li għal ħafna Maltin u Għawdxin għadhom tabu’ u ma jintqalux fil-pubbliku jew ma jiġux pubblikati. Il-problema hija u fuq din qed nikteb, kemm dawk l-argumenti u l-fatti li qed jinġibu jorbtu fl-istorja bħala fatti veritieri.  

Il-kitba u fuq kollox il-kontenut tal-ktieb ta’ Camilleri qed jagħmel ħoss mhux ħażin qalb il-qarrejja tal-ktieb. Dan juri li għad hawn interess fil-politika. Hawn min qal li l-ktieb fih innifsu huwa stil ta’ arja ġdida u nadifa li jilluminak fuq affarijiet li s-soltu kulħadd jevita li jassoċċjahom mal-politiċi.

Veru li ħafna mill-affarijiet li ntqalu ma hemmx xrara li biha tkun tista’ tikkonfermhom, b’hekk l-argument jibqa’ politiku aktar milli wieħed storiku. Imma l-argument mhux qiegħed hawn. Hawnhekk qed inħarsu lejn awtur li ma qagħadx jaħsibha li jikteb fuq affarijiet privati jew personali għalkemm s’issa jidher, li ma għandux il-provi biex jissostanzjhom. Il-provi li nġibu s’issa huma “detto del detto“. Hawn tiġi l-mistoqsija, hekk dan hux etikament korrett? F’kitba ta’ natura storika, id-dokumentazzjoni trid tinwera b’mod ċar u mingħajr ekwivoku.

Mela jekk dan hu ktieb politiku, dan huwa ktieb li jidħol fil-politika b’mod mill-iktar goff u qawwi minn qatt qabel. Għalhekk ir-rivelazzjonijiet ta’ Camilleri iridu jkun korrettament sostnuti; x’jista’ jiġri jekk dan mhux il-każ? Jista’ jiġri bħal ma ġara ma’ waħda mid-deputati tal-parlament li ssemmiet li tieħu azzjoni legali għaliex ħassitha nġurjata u malafamata. Dak li ma kontx nistenna kienet ir-reazzjoni mill-istess Camilleri għall-fatt li din id-deputata fetħet dan il-libell. Hu kiteb post fejn qal lill-Onor. Rosianne Cutajar, id-deputat li fetħitlu libel, li huwa trader. Fil-kuntest storiku, dan ifisser li hu merċenarju politiku u bħan-neġozzjanti li qed jattakka, lest jilħaq deals biex jilħaq l-iskop ta’ moħħu. Nispera li dan mhux il-messaġġ li ried jibgħat! U b’dawn it-tip ta’ kummenti ħa jitħabblu aktar l-imħuħ, bil-konsegwanza li nistgħu nkunu nafu ħafna iżjed milli nafu s’issa dwar intriċi politiċi u deals li saru qabel 2013.

Naqbel ma min jgħid li dan il-ktieb qed jagħtina stanzi fejn jitkellem fuq affarijiet li s-soltu nfesfsuhom biss fil-widnejn u ma nazzardawx noħorġuhom fil-pubbliku. Biss hemm stanzi fejn ma jidhirx li l-awtur tkellem aktar fid-dettall fuqhom, bħala meta semma’ lil ċertu Turu u ma ppruvax jidentifika dan Turu min hu. Forsi beża’? Jew forsi dan hu persuna protetta?

Mela lil Camilleri bil-fors irridu nagħtuh dak li hu tiegħu bi dritt. Dan il-ktieb jista’ jidher għal ħafna li qed jikxef l-għawwar, jitkellem fuq affarijiet li s-soltu nitkellmu fuqhom bil-moħbi u fil-magħluq. Camilleri qabad ċertu taboos u ċarrathom biċċiet u fajjar dwarhom kif hu jaħseb fuqhom. Il-mod li bih kiteb u l-mod kif espona ċertu affarijiet jista’ jidher bħala tibdil fl-istil tal-kitba dwar il-logħba politika f’pajjiżna.

Biss hawn wieħed jistaqsi jekk hux veru li saret pressjoni minn ġewwa l-istess Partit Laburista biex dawk il-Laburisti, b’mod partikolari ex-ministri u oħrajn li ħassuhom inġurjati b’dak li nkiteb fuqhom ma jiftħux libel kontra Camilleri. Hu għalhekk li Camilleri qed isemmi politiċi biss imma mhux jitkellem dwar individwi, bħal ma hu il-każ ta’ Turu, anki jekk dak li qed jgħid fuqu jista’ jkun minnhom, imma jibża’ li jiftaħlu libel? Kien għalhekk li lil Turu ma identifikahx? Jekk dan hu minnu, dan ifisser li meta Rosianne Cutajar fetħet kawża ta’ libel, marret kontra l-kurrent fl-istess partit tagħha. Allura din il-mara qed turi ċertu kuraġġ u stamina. Mela din ukoll bħal Camilleri ma beżgħatx tkisser taboos u tirfes fejn ministri u politiċi rġiel qed jibżgħu jirfsu u jieħdu l-azzjoni dwar dak li ntqal fuqhom.

Għalkemm ħafna jikkummentaw li kulħadd jista’ jagħmel xi ħaġa simili u kulħadd jista’ jfajjar minn żniedu, iżda qatt qabel ma kellna din is-sitwazzjoni fejn anki jekk il-fatti jistgħu ma jkunx veritieri, dawn l-istess fatti wrew fil-beraħ l-ipokrezija tas-soċjeta’ Maltija. Għaliex jekk politiku raġel imur ma’ mara ngħidu kemm għandu bajd kbir u jekk mara fil-politika, allegatament tmur ma raġel, ngħidulha qaħba! Biss il-punt jibqa’ wieħed. Dawn huma stejjer sensittivi u jeħtieġ provi konkreti qabel wieħed joħroġ bihom għaliex fin-nofs hemm familji ta’ terżi – nies li mhux qegħdin fil-politika. Għalhekk, jekk mhux minnhom ikun hemm konsegwenzi serji.

B’hekk għandu wieħed iqis din bħala t-triq tal-kuraġġ? Qed ngħid hekk għaliex jien kont vittma ta’ qlajjiet fuqi mill-medja. Ma kinux ta’ natura sesswali imma xorta jibqgħu qlajjiet li jħallu l-marki. B’hekk min irid jaqbad din it-triq, li forsi qed tidher differenti minn awturi oħra, irid ikun żgur fuq dak li jikteb.  

Il-biża tiegħi huwa li dan ser jibqa’ stil dubjuż li l-istess persuni li qed jipprommovuh qed jgħidu li jrid jinqara with substantial pinch of salt jew b’mod leġġer. Biss meta għandek stejjer fuq nies, speċjalment fuq il-ħajja sesswali u privata tagħhom, wieħed irid ikun mija fil-mija ċert fuq dak li jgħid fuqhom u li dan hu bbażat fuq il-fatt u mhux għajdut.

Imma bħala persuna li niddefendi l-ħsieb liberu, inħoss li dan il-ktieb jirrifletti dan il-fatt u din il-kontroversja żgur tgħin lill-awtur fid-diffużjoni tal-ktieb tiegħu, waqt li niddifendi d-dritt tiegħu li jgħidu.

Leave a Reply