Jason Azzopardi kiser privileġġ parlamentari fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar?

Il-bieraħ, Jason Azzopardi tella’ post fuq facebook fejn akkuża lid-deputat Rosianne Cutajar li hija qalet ċertu kliem offensiv kontra tiegħu. Verosimilmente, dan il-post jikkostitwixxi ksur ta’ privileġġ parlamentari. Għaliex qed ngħid dan?

L-ewwel: din l-informazzjoni toħroġ minn chat li bagħat Yorgen Fenech lil persuna oħra deskritta bhala Diana tat-Terranova dwar xi ħaġa li Yorgen Fenech sema’. Qed ngħid hekk għaliex skont l-istess Yorgen Fenech din ingħadded fil-Parlament u Yorgen Fenech mhux membru tal-Parlament. Mela din bil-fors qalilu xi ħadd. U huwa rrepetiha. Mela għandna hawn detto del detto.

It-tieni: is-seduti parlamentari llum qed ikunu trasmessi fuq it-television. Jiġifieri, jekk din veru ntqalet, suppost ġiet maqbuda fuq it-television.

It-tielet: tidher li din intqalet meta Jason Azzopardi kien fl-istess awla tal-parlament. Jiġifieri hu ma semmahiex jew ħadd ma ġibidlux l-attenzjoni għaliha?

Ir-raba’: il-parlament hu mmexxi mill-ispeaker. Jidher li l-ispeaker l-anqas sema’ ghax ninsab żgur li kien jiċċensura kumment bħal dak.

Il-ħames: ħadd ma ġibed l-attenzjoni għal kumment bħal dan lill-istess speaker.

Is-sitta: bħala deputat, Jason Azzopardi jaf li kull ma jingħad fil-Parlament irid jitniżżel fil-debates tal-parlament u dawn jiġu ppubblikati jew pprintjati. Sa fejn naf jien, din is-sentenza, li skont l-istess Jason Azzopardi ntqalet waqt debattitu fil-Parlament, mhux qegħdha mniżżla fid-debates tas-seduta nkwistjoni.

Mela la darba Jason Azzopardi għamel dawk il-kummenti u ppreżentahom bħala ta’ Rosianne Cutajar u mhux bħala ta’ Yorgen Fenech, hu potenzjalment ħati ta’ ksur ta’ privileġġ parlamentari fil-konfront ta’ din id-deputat.

Jien kontra l-privileġġi parlamentari imma f’dan il-każ ma nsibx diffikulta’ għaliex it-tnejn huma membri parlamentari u allura jistgħu jitkellmu jew jiddefendu lil xulxin fil-parlament.

Biss wara din il-logħba kollha hemm fatt. Min jaħseb li dan l-attakk fuq Rosianne Cutajar ġej minn barra jinsieh. Dan l-attakk ġej minn ġewwa, mill-istess gvern Laburista li għal xi raġuni jew oħra ma jridx lil Rosianne Cutajar fi ħdanu. Wieħed irid ifakkar li Rosianne Cutajar ser tkun qed toħroġ fuq l-istess distrett tal-Prim Ministru.

Biss f’dan l-attakk u dan hu l-aspett innovattiv u forsi ‘stramb’ imma mhux ‘stramb’ sa barra, ngħaqad Jason Azzopardi li bħal ma kelli ċ-ċans nuri ma jrossx lil ċertu personaġġi marbuta mal-partit Laburista imma dejjem jattakka dawk li jidhru li jkunu waqgħu f’disunur mat-tmexxija tal-istess Partit Laburista.

Leave a Reply