Il-kuntatt kontinwu tal-politiku man-nies
Blog post minn osservatur politiku
Kemm hu mportanti fil-politika li jkun hemm kuntatt kontinwu man-nies. Kemm hu mportanti li jkollok widnejk miftuħin beraħ biex tisma’ x’qed jgħid l-elettorat. Kemm hu mportanti li tisma’ lil kulħadd u mhux tiddawwar biss min-nies li jaħsbuha bħalek u allura jgħidulek dak li int tieħu pjaċir tisma’. Kemm hu mportanti li tterraq it-toroq u titkellem u tiddiskuti man-nies fit-triq ħalli tifhem il-weġgħat u taġixxi fuqhom.
Permezz tal-kuntatt man-nies tkun tista’ tifhem lill-poplu. Tagħraf tisma’ l-ideat u s-suġġerimenti li jogħġobhom jagħmlulek. Tisma’ b’attenzjoni kbira l-weġgħat tagħhom. Huwa b’hekk biss li tkun tista’ tibni l-viżjoni politika. Kull politiku jrid iwettaq dak li hu obbligatorju nkella ma jkun qed jifhem xejn fuq dak li għandu bżonn il-poplu.
Permezz ta’ dawn ir-realtajiet kull politiku ikun jista’ jibni fuq it-tajjeb li jkun qed isir. B’dawn l-atteġġjamenti l-politiku jkun jaf x’qed ikun milqugħ b’sodisfazzjoni mill-poplu. B’dak li jirnexxielek tiġbor mill-poplu jagħtik il-possibilita’ li tindirizza n-nuqqasijiet li jesperjenzaw iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Il-Partit fil-Gvern meta jifhem lill-poplu jkollu l-opportunita’ li jilleġiżla mill-ewwel ħalli jtaffi mit-tbatija li l-poplu jista’ jkun għaddej minnha. Il-partit fl-Oppożizzjoni jrid jitgħallem ħalli jibda’ jiffoka fuq dak li hemm bżonn isir, kif appena jieħu l-Gvern, jekk verament irid iħossu bħala Gvern alternattiv. Huwa l-kuntatt man-nies li għandu jagħti l-akbar sodisfazzjon lil kull politiku, ġej minn liema naħa ġej.
Hija l-politika man-nies li permezz tagħha tkun tista’ twettaq ġustizzja soċjali. Ma tistax tibqa’ fuq pedestall u tippretendi li tkun tista’ tippontifika fuq dak li għandu bżonn iċ-ċittadin.
U issa, li l-pandemija donnha bdiet tikkalma xi ftit u allura l-politiku jista’ jkun jaf aħjar x’effett kellu fuq il-poplu, huwa aktar importanti li l-politiku jersaq qrib in-nies ħalli jifhem iżjed u ikun jista’ jgħaddi l-informazzjoni miġbura lill-partit tiegħu ħalli jibni l-futur fuq informazzjoni diretta minn fomm il-poplu.
Nispera li kull politiku jemmen bil-qawwa kollha li l-kuntatt kontinwu man-nies huwa ċ-ċavetta biex tinbena l-politika fuq dak li għandu bżonn iċ-ċittadin. Politika mibnija min-nies għan-nies. Politika li jkun ittamat li tintlaqa’ tajjeb mill-poplu Malti u Għawdxi kollu, hi x’inhi l-isfera li kull wieħed u waħda jkunu jinsabu fiha. Politika li tkompli ssaħħaħ viżjoni u azzjonijiet relevanti għall-ġid taċ-ċittadini kollha. B’hekk il-politiku jkun jista’ jqawwi l-qalb li jkun l-għażla naturali ta’ ħafna mill-votanti.