#notinmyname Dr Bernard Grech.

Blog post minn osservatur politiku

Dr Bernard Grech mar iżur lid-demostranti ta’ Repubblika li kienu qed jiddemostraw quddiem id-depot tal-Furjana. Hu qal li ġie hemm f’isem il-poplu Malti. Jien nixtieq nibgħatlu messaġġ qasir u ngħidlu li dan ma għamiltux f’ismi. Anzi bħala Nazzjonalist ġejt offiż li mort titkellem f’ismi u f’isem ħafna oħrajn li jaħsbuha bħali.

Jiena ma nista’ qatt naqbel ma’ grupp ta’ nies li jimponu fuq il-partit tiegħi. Jien ma nista’ naqbel qatt ma’ dawn in-nies li anke lil Bernard Grech qalulu li jekk ma toqgħodx kif jgħidu huma, ħsiebek hemm. Infakkrek li dawn qalulek li jekk inti tiddikjara affarijiet li ma jogħġbux lilhom, bħal ma poġġewk jerġgħu jneħħuk u jsibu lill-ħaddieħor minn flokok.

Jien ma nistax naċċetta li inti tmur tfaħħar nies li tant għamlu ħsara fil-Partit Nazzjonalista. Ma nistax naqbel ma’ kliem ta’ tifħir lil nies li ħadmu tant biex joħolqu l-firda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Jiena ma nistax naċċetta li s-Soċjeta Ċivili tiġi mfaħħra għal dak li tagħmel, speċjalment minnek bħala kap u minn oħrajn li marru jżuruhom.

Dawn kienu l-istess nies li magħqudin ma’ grupp qawwi ta’ deputati u sostenituri oħrajn fil-Partit li għamlu tliet snin jattakkaw b’kull mod lill-kap preċedenti li kien akkwista l-vot tal-maġġoranza tat-tesserati. Dawn kienu l-istess nies li magħqudin mall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tkellmu b’mod pubbliku kontra l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista.

Repubblika et al saħansitra poġġew nies jaħsbuha bħalhom fid-Dar Ċentrali biex ikunu jistgħu jikkontrollaw fost affarijiet oħra l-aħbarijiet li joħorġu. Possibbli li Nazzjonalisti jaċċettaw ringrazzjamenti bħal dawn minn kap ta’ partit li jaf li hemm ħafna ħsibijiet diversi fuq is-soċjeta’ ċivili?

Għalhekk għal darba oħra ngħidlek #notinmyname Dr. Bernard Grech

One comment

Leave a Reply