Chris Fearne għandu jingħaqad ma’ Adrian Delia fil-kawża li qed jagħmel kontra Steward Healthcare

Blog post minn osservatur politiku

Jekk Dr Chris Fearne, Viċi-Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, verament jixtieq li jara l-isptarijiet jirritornaw f’idejn il-Maltin u l-Għawdxin ma fadallux triq oħra ħlief li jingħaqad ma’ Dr Adrian Delia fil-kawża li huwa qed jagħmel fil-qorti. Konna diġa smajna ftit tal-ġranet ilu lil Clyde Caruana jiddikjara, waqt dibattitu politiku fuq ix-xandir tal-istat, fejn kien qal li

Iva l-kwistjoni tad-deal kif inhi bħalissa huwa ċar illi hemm problemi fih. Il-biċċa tax-xogħol biex jiġi rranġat jew saħansitra il-Gvern joħroġ minn dak id-deal m’hijiex kwistjoni daqstant sempliċi. Hija kwistjoni li hija ferm aktar ikkumplikata.

Meta kien qed jieħu xi mistoqsijiet f’dawn l-aħħar siegħat minn ġurnalista ta’ NET news li fost affarijiet oħra qalet lil Dr Fearne li suppost Steward kienu the real thing, huwa rrisponda hekk:

Le ħu paċenzja. Ikkwotawni sew. Jien meta għidt li Steward huma the real thing, illi huma kumpanija serja Amerikana li hija l-ikbar kumpanija tas-servizz tas-saħħa fl-Amerika. Il-kuntratt ilna sena u nofs niddiskutu kif jista’ jkun mmexxu aħjar. Dawk id-diskussjonijiet sa issa ma waslux għal eżitu u allura iva l-kuntratt ta’ Steward hu dak li kien iffirmat minn VGH u aħna nesiġu li jibqgħu jagħtu dak is-servizz.

Il-Ministru Fearne qalilna li dawn id-diskussjonijiet ilhom għaddejjin sena u nofs u li sa issa ma taw ebda eżitu ta’ kif it-tliet sptarijiet jistgħu jitmexxew aħjar. Jekk ma sar ebda progress fuq kwistjoni tant importanti bħal din u jekk jidher li għad hemm diffikulta kbira li fi tmintax-il xahar ma taw ebda eżitu, kemm beħsiebu jissaporti l-Ministru Fearne? Kemm se jdum ipoġġi madwar mejda biex jipprova jieħu xi ħaġa minnhom dawn id-diskussjonijiet meta ma sar ebda avvanz?

Barra minn hekk irridu nħarsu wkoll lejn dak li qal il-Ministru tal-Finanzi fejn qal li hija kwistjoni ferm ikkumplikata biex il-Gvern joħroġ mid-diżastru li poġġa lill-Gvern fih, dak il-kuntratt li ffirma Konrad Mizzi ftit tas-snin ilu. Dr Fearne kkonfermalna wkoll li l-kuntratt ta’ Steward huwa l-istess kuntratt li kien ġie iffirmat mal-VGH, jiġifieri kemm id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom huma l-istess. Imma sfortunatament ma sar ebda tibdiel għalkemm inbidel il-kuntrattur. Il-poplu Malti u Għawdxi għadu nieqes mill-investiment ikkuntrattat. Mela t-tellief f’dan kollu għadu l-poplu.

Dr Fearne qalilna wkoll li Steward iridu jibqgħu jagħtu dak is-servizz. Il-mistoqsija tiġi waħedha, jekk VGH taw servizz tal-qamel u Steward qed jagħmlu bħalhom, allura x’futur għandhom it-tliet sptarijiet tagħna? X’għażla fadallu Dr Fearne meta jinsab f’sitwazzjoni bħal din? X’jista’ jagħmel iżjed? Kif jista’ jkun li jekk minn Steward qed nieħdu servizz tal-qamel bħal VGH, il-Gvern se jibqa’ jippumpjalhom il-miljuni? Jidher fi kliem il-Ministru tal-Finanzi u fi kliem il-Ministru tas-Saħħa, ma tantx jidher li hemm triq sabiħa ‘l quddiem. Mela hija opinjoni sinċiera meta wieħed jikkonkludi li l-uniku triq miftuħa li għandu l-Gvern hija li jagħmel kawża lil Steward jew aħjar jingħaqad ma’ Dr Adrian Delia biex jekk id-diskussjonijiet jidhru li fallew allura l-Maltin u l-Għawdxin jippruvaw jieħdu lura l-isptarijiet legalment.

Leave a Reply