Kif jista’ bank jaċċetta li jiġi depożitat għandu flus ta’ Steward Healthcare meta dawn ġejjin minn kuntratt korrott?

Blog post minn osservatur politiku

Adrian Delia, waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, spjega u wissa lill-membri tal-parlament kollha, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni, li jekk jivvutaw favur il-budget ikunu qed jiksru l-liġi. Dan huwa argument b’saħħtu ħafna għaliex jekk membru tal-parlament jivvota favur il-budget ikun qed jaċċetta li miljuni ta’ euro ikunu qed jitħallsu lil kumpanija barranija li hija stess qed tgħid li se tkun qed tirċievi dawn il-flus bħala riżultat ta’ kuntratt korrott. B’hekk kull membru tal-parlament li jivvota favur il-budget ikun qed ibierek infieq minn flus il-poplu għal kuntratt frawdulenti u korrott.

Din id-deċiżjoni ma għadhiex biss deċiżjoni ta’ grupp parlamentari kollettiva imma issa niżlet fuq livell personali. Jiġifieri kull membru tal-Gvern ikun qed jerfa’ responsabilita’ mhux aktar bħala membru ta’ grupp imma bħala persuna individwali u allura jkun qed jieħu fuq spallejh deċiżjoni personali.

Dr. Delia reġa’ rrefera lejn dokumenti li ġew depożitati l-qorti fejn Steward Healthcare qed tgħid li kuntratt li bih kienet mgħoddija konċessjoni lil Vitals oriġinarjament ta’ tliet sptarijiet kien kuntratt frawdulenti u korrott. Steward Healthcare ħadu f’idejhom l-istess konċessjoni mingħand Vitals fi Frar tal-2018 u huma l-istess Steward li qiegħdin jammettu li l-kuntratt kien allegatament minsus.

Barra minn hekk ta’ min jiftakar li d-doveri li kellhom dawn iż-żewġ kumpaniji lejn il-poplu Malti u Għawdxi ma ġewx imwettqa. Nafu wkoll li t-taħdidiet bejn il-Gvern u Steward, biex forsi jintlaħaq xi tip ta’ ftehim biex l-isptarijiet jiġu lura għand il-Maltin, ilhom għaddejjin mhux ħażin. Smajna wkoll lill-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana jgħid fil-pubbliku, li l-każ Steward mhux faċli biex tinstab soluzzjoni għalih.

Nafu wkoll li jeżisti kuntratt sekondarju li jekk b’xi mod jew ieħor dan il-kuntratt jispiċċa, il-Gvern Malti jiiġi kundannat li jħallas mitt miljun Ewro lil Steward.

Dr Delia kompla jispjega li la min qed jirċievi l-flus qed jgħid li ġejjin minn korruzzjoni kif jista’ jkun xi darba jista’ jkun hemm approvazzjoni ta’ ħlas ta’ dan it-tip? U dan qed jagħmel riferenza mhux biss għal penali ta’ mitt miljun imma wkoll għall-ħlasijiet li huma mistennija li jibqgħu jsiru lil Steward kull xahar jew kull meta jmiss li jsir pagament. Jekk dawn il-flus jibqgħu jitħallsu jkun jfisser li l-Gvern qed jaqbel li jħallas bi flus nodfa għal kuntratt korrott. Allura f’sitwazzjoni bħal din, liema bank Malti jkun jista’ jipproċessa pagament bħal dan?

Dr Delia kompla jgħid li kollha kemm aħna nafu kemm sar diffiċli li tagħmel xi xogħol ma’ bank minħabba l-iċċekkjar esaġerat li qed isir fuq ammonti relativament żgħar, aħseb u ara fuq ammonti kbar bħal dawn. Allura staqsa Dr Delia, kif jista’ jkun li għandna bank li qed jaċċetta l-miljuni meta l-istess bank jaf li dawn il-miljuni ġejjin minn kuntratt korrott?

Dr Delia għalaq id-diskors tiegħu waqt il-konferenza li hu jinsab imħasseb u nkwetat kif il-Gvern lanqas biss indirizza dawn l-allegazzjonijiet li ħarġu mid-dokumentazzjoni preżentata l-qorti wara li issa diġa għaddew erba’ t’ijiem minn meta sirna nafu b’din id-dokumentazzjoni li hemm depożitata l-qorti.

Leave a Reply