Il-Partit Nazzjonalista kien żbaljat fl-istrateġija tiegħu dwar l-elezzjoni f’Novembru

Tgħid il-Partit Nazzjonlista qed jirrealizza li seta’ spara għal saqajh meta f’Awwissu li għadda ħareġ jgħid li l-elezzjoni ġenerali se tissejjaħ għal Novembru? Tgħid il-gazzetta Il-Mument kienet ħerqana wisq meta antiċipat kmieni ħafna elezzjoni bikrija? Tgħid bil-għaġġla tagħhom u bil-ħerqa għall-elezzjoni qabel żmienha ġagħlu lill-partit tagħhom stess joħroġ fuq l-attakk ħafna qabel iż-żmien?

Ma naħsibx. Huwa minnu li kien hemm ħsibijiet ġewwa Kastilija li tissejjaħ elezzjoni f’Novembru.  Mela fejn hu l-iżball li sar? Il-Partit Nazzjonalista antiċipa wisq u kixef il-karti kmieni. B’hekk ta ċans lill-avversarju jerġa’ jmur lura mill-ħsieb li kellu. Din hija xi ħaġa mhux daqshekk ta’ ħsara għall-Partit Nazzjonalista. Anzi jekk jaħdem tajjeb, jirbaħ għandu u mhux jitlef aktar mal-Lejber idum ma jgħajjat elezzjoni.

Huwa ovvju li ma hi se toħroġ ebda stqarrija jew indikazzjoni min-naħa tal-Partit Nazzjonalista biex jammettu xi ħaġa bħal din. Imma x’ġara fil-frattemp? Kif kellu ċans juri dan il-blog, ġew varati numru kbir ta’ proposti ħafna qabel il-waqt. Ħafna tajbin imma xi uħud riedu aktar studju u fine tuning.

Kulħadd jaqbel, li r-replika għall-budget ma kienet risposta għall-budget xejn, imma kienu sagħtejn fejn fih rajna lill-Kap tal-Oppożizzjoni jvara l-kampanja elettorali tal-partit tiegħu. Żgur li dan ma jista’ jiġi miċħud minn ħadd. Dan kollha saħħaħ il-ħsieb tal-Partit Laburista biex ma jgħajjatx elezzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista ried juri li hu ppreparat għall-elezzjoni ġenerali. Ma setax jinqabad bħal ma ġralu fl-2017, meta Joseph Muscat kien għajjat l-elezzjoni xhur qabel żmienha. It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista riedu juru li huma kienu pass qabel l-avversarji politiċi tagħhom u taw l-impressjoni li ma humiex se jinqabdu.

Irridu niftakru li Il-Mument għamlet sensiela ta’ artikli kull nhar ta’ Ħadd, fuq il-paġna ta’ quddiem tagħha, jsemmu li l-elezzjoni għal Novembru. Illum din l-istrateġija, anki jekk minnha daret kontra l-istess Partit Nazzjonalista.

Imma allura d-deċiżjoni li ttieħdet mill-editur tal-gazzetta li jxandar elezzjoni bikrija, li kellha l-appoġġ tal-Partit innifsu għax kieku waqfu l-aħbar, kellha xi intenzjoni oħra? Forsi l-Partit Nazzjonalista ried ikun ċert li l-magna tagħhom stess tkun ġiet mogħtija ż-żejt neċessarju biex tibda’ tiċċaqlaq u taħdem sewwa għal meta verament tissaffar is-suffara.

Riedu ikunu ċerti wkoll li l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali jieħdu l-messaġġ biex jaħdmu iżjed b’mod iffokat. Riedu jkunu ċerti li kull voluntier li dejjem ta sehmu fil-kampanji elettorali jew fl-elezzjoni nnifisha jersaq lejn il-partit u jagħti ismu li hu jew hi ser ikunu hemm meta hemm bżonnhom.

Issa x’se jiġri fil-kamp tal-Partit Nazzjonalista? Tgħid laħqu ħarqu ħafna mill-munizzjon tagħhom b’dawk il-proposti kollha li diġa’ ħarġu? Tgħid għandhom proposti oħra ppreparati biex jimlew il-manifest elettorali jew laħqu ħarġu ħafna mill-affarijiet li kienu intenzjonati għall-kampanja elettorali li issa ma hiex ġejja fi żmien qasir?

Tgħid il-Partit Nazzjonalista laħaq ħareġ wisq proposti li se jnaqqas ħafna l-għajta tas-sorprisa ta’ eżatt qabel l-elezzjoni u b’hekk ħaraq lilu nnifsu?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *