X’ser jagħmel Robert Abela fuq l-istorja li ħarġet dwar Zrinzo Azzopardi?
Shift News kellhom storja oħra, din id-darba fuq is-Segretarju Parlamentari Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi u hotel ġewwa Ħad-Dingli. Skont Shift News, dan is-segretarju parlamentari ser ikun investigat minn maġistrat fuq abbuż ta’ flus marbuta ma’ fondi Ewropej marbuta ma’ proġetti f’din iż-żona rurali. Skont Shift News, infetħet inkjesta maġisterjali fuq użu ħażin ta’ dawn il-flus Ewropej. Biss il-mod kif żviluppat din l-istorja, l-istess Shift News, jidher li dan is-segretarju parlamentari daħal bħala paraventu għall-ħaddieħor.
Biss mingħajr ma nidħol fuq dan is-suġġett u nżommu mat-titlu tal-istess artiklu, hawn wieħed jistaqsi jekk il-Prim Ministru għandux jitlob lil Zrinzo Azzopardi li jissospendi ruħu jew inkellha jirreżenja minn segretarju parlamentari.
Infakkar li meta kien hemm allegazzjoni li Rosianne Cutajar ħadet flus ta’ senserija mingħand Yorgen Fenech, ġiet mitluba biex tirreżenja minn segretarju parlamentari anki jekk din l-istorja hija biss allegazzjoni u seħħet meta Rosianne Cutajar ma kienetx l-anqas segretarju parlamenti.
Din id-darba għandna każ aktar serju. Hawn ma hawnx allegazzjoni ġurnalistika. Hawn għandna każ ta’ investigazzjoni jew inkjesta minn maġistrat fuq operat ta’ segretarju parlamentari. Għaliex mela Zrinzo Azzopardi ma ntalabx biex iwarrab sakemm jitnaddaf ismu?