Qed nirvinaw lill-pajjiżna: prezzijiet tar-restaurants għoljin u regolamenti tal-Covid li ma jagħmlux sens

Blog post minn qarrej

F’dan l-aħħar xahar kelli nsiefer fuq xogħol fi tliet pajjizi differenti. Mort Praga ġewwa r-Repubblika Ċeka, Porto fil-Portugal u Firenze ġewwa l-Italja.

Bqajt skantat għal fatt li f’dawn it-tliet ibliet, qiesu l-Covid sparixxa. Il-ħajja ma ngħidx li ġiet għan-normalita’ assoluta pero’ tista’ tgħid li qegħdin qrib. L-aktar ħaġa li mpressjonatni kien l-ammont ta’ turisti li kien hemm. Turisti minn pajjiżi diversi u li ma humiex qed jibżgħu mill-pandemija. Restaurants u pjazzez mimlija nies u l-ekonomija turistika qiesha qed terġa’ taqbad ir-ritmu.

Pero li qed jinkwetani huwa pajjiżi. Pajjiż li twelidt u għext ħajti kollha hawn. Xi ħaġa ħażina qed nagħmlu, u żgur li hemm bżonn li tinbidel l-attitudni għaliex jaf ikollna riperkussjonijiet futuri irreparabbli.

Jekk qed naħsbu li it-turist mhux qed jivvjaġġa qed ngħixu fil-ħolm. Jekk ser nibqgħu nġibu l-iskużi li t-turist mhux jiġi kawza u effett tal-pandemija, qed indaħħlu rasna fir-ramel.

Il-verita’ hija waħda. Malta tagħna għamilniha “too expensive” għal miljuni ta’ nies li jieħdu vaganza jew tnejn fis-sena. Tmur tiekol ġewwa restaurant, prezzijiet li ma jitwemmnux, minbarra li ma tistax tgħid li tkun qed tiekol xi ikla li ma tkunx kilt bħala.

Il-prezzijiet tagħna saru redikoli u jekk hawn xi ħadd li jaħseb li turist ma jiċċekkjax u jfittex dawn l-affarijiet, ikun qed jagħmel żball kbir. Qed ninnota li kulħadd irid isir sinjur mil-lum għal għada.

Magħhom inżid ir-regolament li għamilna minħabba l-covid li ma għadhom x’jaqsmu xejn ma dawk li hemm barra minn xtutna.

Għandna ġawhra ta’ gżira u l-kilba li ċertu nies sar għandhom ghal flus mhux talli qed teqred il-mod ta kif ngħixu iżda wisq nibża’ li jaf ikollna riperkussjonijiet kbar ekonomiċi.

L-awtoritajiet għandhom bżonn iqumu qabel ma jkun tard wisq.

Leave a Reply